Il-Ministru Konrad Mizzi spiċċa jammetti li hemm problema kbira għall-ħaddiema tal-Ground Handling.
Dan wara li s-sitwazzjoni nkixfet fl-aħħar jiem minn Net News, fejn ġie żvelat li nħarġu rosters inumani għal dawn il-ħaddiema.
Is-sitwazzjoni eskalat hekk kif il-ħaddiema tas-sezzjoni l-ġdida responsabbli mill-Ground Handling, l-Air Malta Aviation Services esprimew rabja għall-mod kif qed jiġu ttrattati mit-tmexxija tal-kumpanija. Din il-kumpanija l-ġdida jidher li twaqqfet biex tieħu fuqha piżijiet tal-Air Malta, ħalli finalment ir-rapport finanzjarju tal-Air Malta juri qligħ.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-ħaddiema f’din is-sezzjoni qed ikun mġegħla jaħdmu shifts iebsa ferm.
Sa issa m’hemmx data defenitiva meta se tiġi solvuta l-kwistjoni pendenti tar-roster anki għall-fatt li s-sitwazzjoniet tressqet quddiem l-arbitru.
Intant il-Ministru rrepeta biss l-istat ta’ fatt, mingħajr ma qal kif se jsolvi dan id-detriment għall-ħaddiema.
Dawn il-ħaddiema qed jingħataw shifts li lanqas biss josservaw il-perjodu ta’ mistrieħ mitlub bil-liġi ta’ 11-il siegħa u qed ikollhom jidħlu saħansitra għal shifts ta’ 4 sigħat filgħodu, biex imbagħad jerġgħu jidħlu għal shift ta’ 4 sigħat oħra filgħaxija.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Ministru Konrad Mizzi, sa ftit taż-żmien ilu kien ftaħar bil-family friendly measures li qed taddotta l-kumpanija, iżda żgur li fil-mod kif qed jitħaddmu dawn il-ħaddiema m’hemm xejn family friendly.
//= $special ?>