Ir-residenti fl-inħawi tas-Saqqajja, fir-Rabat, bdew protesta silenzjuża kontra l-lukanda proposta li ssir qrib ir-residenzi tagħhom.
Fl-aħħar jiem dawn ir-residenti waħħlu posters mal-gradi ta’ ġonna storiċi li jinsabu mhedda b’dan l-iżvilupp u jwasslu messaġġ ċar: Le għall-iżvilupp f’dawn il-ġonna.
Dan hekk kif l-iżviluppaturi qed jipproponu li vilel mill-isbaħ bi stil neo-klassiku u b’ġonna kbar li wieħed isib fuq in-naħa ta’ wara, qrib il-Knijsa ta’ Santu Wistin, jinbidlu f’boutique hotel.
Proposta li qed issib oġġezzjoni qawwija minn diversi bnadi, u li saħansitra għaqqdet flimkien lil persuni minn kull spettru politiku f’sejħa kontra dan l-iżvilupp.
Skont l-applikazzjoni oriġinali, jekk issir il-lukanda din ikollha għoli ta’ erba’ sulari, f’sit li hu ddominat minn bini ta’ żewġ sulari u b’mill-inqas 47 kamra mifruxa fuq diversi sulari.
F’dawk li sa llum-il ġurnata huma ġonna kbar, l-iżviluppaturi qed jipproponu li jsir swimming pool waqt li se jkunu ntrodotti wkoll bar u ristorant.
F’Diċembru li għadda, fuq inizjattiva tal-Kunsillier Nazzjonalista Rudolf Grima u l-eks Sindku tar-Rabat Sandro Craus kienet organizzata wkoll laqgħa ta’ informazzjoni b’attendenza ta’ numru kbir ta’ residenti Rabtin.
Fl-istess laqgħa, tabbar ukoll it-twaqqif tal-Fondazzjoni Saqqajja, li għandha l-għan li tissalvagwardja liż-żona waqt li bdiet petizzjoni kontra dan l-iżvilupp.
Minn dak iż-żmien, l-iżviluppaturi għamlu diversi bidliet fl-applikazzjoni tagħhom, iżda dawn kienu akkużati mir-residenti li l-iskop tagħhom hu biss li jħawdu l-imħuħ u jippruvaw isibu loopholes fil-liġi biex jilħqu l-iskop tagħhom.
Filfatt, minkejja dawn il-bidliet, ir-residenti baqgħu jaħdmu kontra dan l-iżvilupp u jisħqu li l-vilel li jinsabu mhedda, jinżammu u jkunu protetti.
Fost l-oġġezzjonijiet tar-residenti, apparti l-impatt viżwali ta’ dan il-proġett, hemm ukoll iż-żieda fit-traffiku u iktar problemi ta’ parkeġġ f’żona fejn din il-problema diġa teżisti.
Is-sit propost hu klassifikat bħala żona ta’ konservazzjoni urbana u ta’ livell sensittiv għoli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ arkeoloġija fejn suppost il-bini jkun sa massimu ta’ żewġ sulari.
Sadattant fl-aħħar jiem, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tar-Rabat, Karl Muscat, kiteb ittra lill-UNESCO fejn talab protezzjoni internazzjonali kontra l-iżvilupp u dak li rrefera għalih bħala t-tħassir tal-identità ta’ Vjal Santu Wistin.
//= $special ?>
