Juventus għamlu dak li ma għamlux il-ġimgħa l-oħra kontra Spal u aċċertaw ruħhom mir-rebħ tat-tmien kampjonat konsekuttiv u l-35 wieħed fl-istorja tagħhom. Inter, Milan, Roma u Lazio kollha waqqgħu l-punti fit-taqtigħa għal post fil-UEFA Champions League, b’Torino jieħdu vantaġġ b’rebħa kontra Genoa.
Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika, Spal u Bologna kisbu rebħiet fondamentali u kważi huma ċerti mis-salvazzjoni, b’Empoli u aktar minnhom Frosinone jersqu aktar lejn is-Serie B.
BOLOGNA – Rebħa fondamentali għal Bologna fi Stadio Renato Dall’Ara hekk kif għelbu lil Sampdoria 3-0. Huma fetħu l-iskor fl-54 minuta b’awto-gowl ta’ Lorenzo Tonelli, b’ ERICK PULGAR irdoppja fid-69 minuta bi free-kick minn pożizzjoni angolata. RICCARDO ORSOLINI għalaq il-logħba fit-83 minuta b’konklużjoni mill-ewwel li iżda l-gowlkiper Emil Audero salva mingħajr ma żamm.
CAGLIARI – Cagliari aċċertaw posthom għal staġun ieħor fis-Serie A b’rebħa f’darhom ta’ 1-0 fuq Frosinone li komplew joqorbu lejn is-Serie B. Il-gowl deċiżiv wasal fis-27 minuta minn penalty ta’ JOAO PEDRO.
EMPOLI – Spal kważi aċċertaw posthom għal staġun ieħor b’rebħa fuq Empoli 4-2 f’konfront dirett fi Satadio Castellani. FRANCESCO CAPUTO poġġa lil Empoli fil-vantaġġ wara 22 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin iżda ANDREA PETAGNA ġab id-draw fit-38 minuta minn penalty, biex SERGIO FLOCCARI poġġa lil Spal minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras stupenda. HAMED JUNIOR TRAORE ġab id-draw fis-47 minuta b’xutt fil-baxx mill-kaxxa, sakemm ANDREA PETAGNA reġa’ poġġa lil Spal minn fuq fil-61 minuta b’xutt b’saħħtu. MIRCO ANTENUCCI għalaq il-logħba fit-88 minuta b’xutt fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.
GENOVA – Torino rritornaw għar-rebħa u saħħew it-tamiet li jiksbu post fl-Ewropa staġun ieħor. Ir-rebħa ta’ 1-0 kontra Genoa waslet b’gowl ta’ CRISTIAN ANSALDI fit-58 minuta li skorja b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka.
MILAN – Inter naqqsu li jiftħu vantaġġ komdu fit-tielet meta fi Stadio Giuseppe Meazza spiċċaw 1-1 kontra Roma. B’dan ir-riżultat Inter ħames punti fuq Milan u sitta fuq l-istess Roma b’ħames logħbiet għat-tmiem. Kienu Roma li marru fil-vantaġġ wara 14-il minuta b’azzjoni personali ta’ STEPHAN EL SHAARAWY li ċċentra ruħu u b’xutt preċiż għar-rokna għeleb lil Samir Handanovic. Inter ġabu d-draw fil-61 minuta bi kross mil-lemin ta’ Danilo D’Ambrosio jsib lil IVAN PERISIC li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Antonio Mirante.
TURIN – Wara l-eliminazzjoni mill-UEFA Champions League, Juventus irritornaw għar-rebħ biex aċċertaw mit-tmien kampjonat konsekuttiv. Huma għelbu lil Fiorentina 2-1 fl-Allianz Stadium anki jekk kienu minn taħt. Il-Viola fetħu l-iskor wara sitt minuti b’NIKOLA MILENKOVIC jixħet fix-xibka minn qagħda ideali wara li d-difiża ta’ Juventus naqset li tbiegħed il-periklu minn kross fil-baxx. Juventus ġabu d-draw fis-37 minuta b’daqqa ta’ ras fuq l-ewwel lasta ta’ ALEX SANDRO wara korner mil-lemin. Huma skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-53 minuta meta German Pezzella xellef fix-xibka tiegħu stess minn kross ta’ Cristiano Ronaldo.
RUMA – Lazio komplew iwaqqgħu aktar punti b’telfa ta’ 2-1 fi Stadio Olimpico kontra Chievo li diġà huma relegati. Lazio lagħbu madwar siegħa b’raġel anqas wara li tkeċċa Sergej Milinkovic-Savic fl-34 minuta. EMANUEL VIGNATO poġġa lil Chievo minn fuq fid-49 minuta b’xutt b’saħħtu fil-baxx biex PERPARIM HETEMAJ irdoppja żewġ minuti wara b’daqqa ta’ ras wara kross mil-lemin. Lazio naqqsu d-distakk fis-67 minuta b’azzjoni personali ta’ FELIPE CAICEDO fil-kaxxa, iżda ma rnexxielhomx isalvaw ir-riżultat.
PARMA – Milan tilfu żewġ punti importanti fit-taqtigħa għar-raba’ post meta sfaw miżuma minn Parma 1-1 fi Stadio Tardini. Ir-Rossoneri fetħu l-iskor fis-67 minuta bi kross mil-lemin ta’ Suso jsib lis-sostitut SAMU CASTILLEJO li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Luigi Sepe. Parma ġabu d-draw fis-87 minuta bi free-kick tad-difensur BRUNO ALVES li ma tax ċans lil Donnarumma.
UDINE – Udinese u Sassuolo spiċċaw 1-1 fid-Dacia Arena, punt li aktar jiswa lil Udinese. STEFANO SENSI kien poġġa lil Sassuolo minn fuq wara 31 minuta, iżda Udinese ġabu d-draw għaxar minuti mit-tmiem b’awto-gowl ta’ Pol Lirola wara azzjoni konfuża.
Serie A
Parma v Milan 1-1 , Bologna v Sampdoria 3-0 , Cagliari v Frosinone 1-0 , Empoli v Spal 2-4 , Genoa v Torino 0-1 , Lazio v Chievo 1-2 , Udinese v Sassuolo 1-1 , Juventus v Fiorentina 2-1 , Inter v Roma 1-1 ,It-Tnejn: Napoli v Atalanta 7.00pm
//= $special ?>