L-infermieri membri tal-MUMN, il-union tal-infermieri u l-qwiebel, ħarġu minn Female Ward 1 tal-Isptar Monte Karmeli għal madwar siegħa u nofs biex josservaw direttiva li ngħatatilhom.
Dan seħħ wara li carer u uffiċjal tas-sigurtà li s-Sibt filgħodu kienu xogħol fl-Isptar Monte Karmeli spiċċaw midruba u kellhom jieħdu kura f’Ċentru tas-Saħħa wara rewwixta minn grupp ta’ persuni.
Net News jinsab infurmat li l-każ inqala’ meta numru ta’ persuni li kienu f’dan l-isptar fuq ordni tal-Qorti, b’rabta ma’ każi ta’ droga, qajmu l-inkwiet.
L-inċident seħħ f’Female Ward 1, fejn il-persuni li jintbagħtu hawn fuq ordni tal-Qorti, qed jispiċċaw ma’ persuni li jinsabu f’dan l-isptar minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
Minkejja dan, l-amministrazzjoni tal-Isptar għal darb’oħra jidher li qed tipprova żżomm il-każ mistur tant li s’issa għadu ma sarx rapport lill-Pulizija.
Il-każ seħħ biss ftit sigħat wara li l-MUMN, responsabbli mill-infermiera u l-qwiebel, kitbet lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u żammitu responsabbli jekk jinqala’ xi inċident.
Dan għaliex f’Female Ward 1, fejn suppost jinżammu sa massimu ta’ żewġ persuni b’akkużi relatati mad-droga, l-ammont tela’ għal sebgħa. Wara l-intervent tal-MUMN, l-ammont niżel għal erbgħa.
Madankollu, wara li seħħ dan l-inċident, l-MUMN tat lill-Ministru ċans ta’ xi sigħat biex l-ammont jerġa’ jitnaqqas għal tnejn. Din it-talba ma ntlaqgħetx u allura d-direttivi daħlu fis-seħħ b’mod immedjat. Kien ftit wara li l-Ministeru rreaġixxa u naqqas il-persuni bi problemi ta’ droga minn din is-sala għal tnejn, kif suppost.
Inċident li seħħ jumejn wara li l-Maġistrat Joe Mifsud innota li mhux suppost jintbagħtu persuni b’akkużi ta’ droga fis-sezzjoni tal-forensika ta’ dan l-isptar.
Joe Mifsud iddikjara li l-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli ilha 20 sena li ngħalqet u għalhekk kull deċiżjoni tal-Qorti matul dawn is-snin, biex persuni jintbagħtu fl-Isptar Monte Karmeli, kienet żbaljata.
//= $special ?>