Lokali

L-Isptar Monte Karmeli miżgħud b’soqfa kundannati

Madwar tliet kwarti tas-swali tal-Isptar Monte Karmeli għandhom is-soqfa kundannati u allura jpoġġu f’periklu lill-ħaddiema u lill-pazjenti.

Rapport tekniku dwar l-isptar wera li f’sala minnhom mhux biss is-soqfa huma perikolużi iżda saħansitra ankè l-pedamenti. Dan hekk kif ix-xquq tant huma wesgħin li l-istess rapport saħansitra jinnota li qed jgħaddu l-ġrieden minnhom.

Skont dan ir-rapport l-arkitetti ddikkjaraw l-maġġorparti tas-swali bħala ta’ periklu tant li b’mod immedjat l-amministrazzjoni kellha tittrasferixxi lill-pazjenti lejn swali oħra li madanakollu għandhom problemi ta’ natura strutturali wkoll.

Dan hekk kif il-binja li għandha 158 sena, u tmur lura għal-1861, tinsab fi stat kundannat, b’madwar 425 pazjent li issa spiċċaw mrassa fi ftit swali kunsidrati li huma siguri.

Ritratti ppublikati wrew li fl-isptar psikjatriku qed jintuża saħansitra scaffolding sabiex iżomm is-soqfa milli jċedu. Kelliema għall-MUMN saħqu li s-sitwazzjoni hija waħda ddisprata u mingħajr ebda kontroll.

Il-President tal-unjin Paul Pace tkellem ma Times of Malta fejn spjega li l-infermiera ma jridux jibqgħu jaħdmu f’dawn il-kundizzjonijiet ta’ periklu għal saħħithom u bħala unjin lesti sabiex jordnawlhom li jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol madanakollu għandhom dmir u sens ta’ responsabbiltà lejn il-pazjenti. Sens, kompla Pace, li l-awtoritajiet tilfu għal kollox. Huwa saħaq illi li kieku dan l-isptar kien wieħed privat ċertament l-awtoritajiet tas-saħħa kienu jeħdulu l-liċenzja.

Huwa insista li l-pazjenti u l-ħaddiema huma trattati daqslikieku kienu annimali hekk kif l-isptar jixbah akar lil maqjel.