Futbol Sport

Man City b’ċans immedjat li jpattuha lil Tottenham

(Ritratt: EPA)

Manchester City għandhom opportunità immedjata li jpattu għall-eliminazzjoni fil-UEFA Champions League meta llum jerġgħu jilagħbu kontra Tottenham iżda għal għanijiet differenti.

Iċ-champions Ingliżi qed jimmiraw għall-għaxar rebħa konsekuttiva fil-kampjonat u b’rebħa jerġgħu jitilgħu fil-quċċata. Tottenham qed ifittxu t-tielet rebħa konsekuttiva li żżommhom fit-triq lejn konferma mal-ewwel erbgħa.

Il-manager Mauricio Pochettino se jerġa’ jkun mingħand Harry Kane, Serge Aurier u Harry Winks filwaqt li Erik Lamela, Moussa Sissoko, Eric Dier u Vincent Jassen jinsabu dubjużi. Fatt interessanti hu li Tottenham rebħu l-ħames logħbiet fil-Premier League mingħajr Harry Kane f’dan l-istaġun.

Manchester City rebħu l-aħħar tliet konfronti fil-Premier League kontra Tottenham filwaqt li t-tim minn Londra qed ifittex li jsir l-ewwel tim minn żmien Liverpool fl-istaġun 2008/09 li jirbħu ż-żewġ logħbiet barra minn darhom kontra t-timijiet ta’ Manchester fl-istess staġun.

Liverpool jilagħbu għada konxji mir-riżultat ta’ Manchester City li jkunu jridu jirkupraw il-logħba nieqsa fost il-ġimgħa. Huma ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat u kwalifikazzjoni għas-semifinali taċ-Champions League u għalhekk il-moral tagħhom hu għoli.

Cardiff jinsabu f’periklu serju li jkunu relegati, iżda r-rebħa tat-Tlieta li għadda kontra Brighton, tat nifs ġdid lit-tim ta’ Neil Warnock li b’xi mod jista’ jsalva. Riżultat pożittiv f’dan il-konfront żgur li jgħinhom. Liverpool rebħu l-aħħar disa’ logħbiet kontra timijiet promossi b’27 gowls skorjat filwaqt li sofrew biss tlieta.

It-taqtigħa għar-raba’ post tkompli. Chelsea u Arsenal għandhom moral għoli wara li kkwalifikaw għas-semifinali tal-Europa League. Arsenal qed jimmiraw għar-raba’ rebħa f’ħames logħbiet filwaqt li Crystal Palace alternaw rebħa u telfa fl-aħħar tmien logħbiet.

Wara li spiċċaw l-ewwel rawnd 2-2, Crystal Palace qed iħarsu li ma jitilfux kontra Arsenal fiż-żewġ logħbiet għall-ewwel darba f’39 sena. Iżda dan se jkun aktar diffiċli minħabba li Arsenal huma b’saħħtihom f’darhom f’dan l-istaġun, tant li qed jimmiraw li jiksbu l-11-il rebħa konsekuttiva.

Chelsea jilqgħu lil Burnley fi Stamford Bridge t-Tnejn li ġej. Huma ġejjin minn telfa fil-kampjonat kontra Liverpool li waqqfet is-serje ta’ tliet rebħiet konsekuttivi.

It-tim ta’ Sarri lagħab logħba aktar mill-isfidanti għar-raba’ post u għalhekk biex jibqgħu b’ċans li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa, iridu tal-anqas jirbħu l-erba’ logħbiet li fadlilhom. Burnley huma prattikament salvi wara li rebħu l-aħħar tliet logħbiet.

L-itqal konfront hu ta’ Manchester United li jmorru f’Goodison Park kontra Everton. Ir-Red Devils ġejjin minn eliminazzjoni fiċ-Champions League iżda wkoll minn ħames telfiet fl-aħħar seba’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha.

Huma għandhom ġimgħa diffiċli hekk kif fost il-ġimgħa jilqgħu f’Old Trafford lil Manchester City qabel jilagħbu konfront ieħor importanti kontra Chelsea. Il-prestazzjonijiet tagħhom fl-aħħar logħbiet ma kinux brillanti u għalhekk jagħmel din il-ġimgħa aktar importanti.

Everton qed jissieltu għas-seba’ post li jista’ jfisser post fl-Europa League iżda ġejjin minn telfa xejn mistennija kontra Fulham wara li kienu ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi.

Premier League

Illum:Man City v Tottenham 1.30pm , Bourenmouth v Fulham 4.00pm , Huddersfield v Watford 4.00pm , West Ham v Leicester 4.00pm , Wolves v Brighton 4.00pm , Newcastle v Southampton 6.30pm ,Għada: Everton v Manchester United 2.30pm , Arsenal v Crystal Palace 5.00pm , Cardiff v Liverpool 5.00pm ,It-Tnejn:Chelsea v Burnley 9.00pm