Futbol Sport

Naxxar Lions jirbħu lejn it-tmiem

(Ritratt: Trevor Sollars)
Sirens jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat

SWIEQI UNITED …………… 1 NAXXAR LIONS …………. 2

Swieqi: E. Gatt, L. Cassar, M. Attard, K. Muscat, K. Sultana (G. Bugeja 65’), I. Margarit, S. Bugeja (D. Borg 61’), I. Salis, M. Farrugia (L. Zammit 79’), E. Tejumola, L. Scicluna

Naxxar: O. Borg, P. Changoon, R. Mercieca, M. Fenech, M. Mifsud, J. Debono, A. Azzopardi, J. Ellul, S. Nanapere, B. Essel, S. Meilak

Referee: Matthew Degabriele

Naxxar Lions għadhom jittamaw li jtemmu l-kampjonat fit-tielet post wara rebħa diffiċli ta’ 2-1 fuq Swieqi United. Naxxar kellhom jilagħbu b’raġel anqas għal aktar minn siegħa wara li fil-25 minuta tkeċċa Steve Meilak għal fawl fuq Shaun Bugeja.

In-Naxxarin fetħu l-iskor fis-57 minuta meta SATURDAY NANAPERE skorja b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner. Swieqi għamlu reazzjoni u sitt minuti wara Omar Borg salva parzjalment fuq xutt ta’ Ebenezer Tejumola, bl-istess plejer jolqot il-lasta mir-rebound.

Swieqi ġabu d-draw kwarta mit-tmiem meta minn kross tas-sostitut Luke Zammit, Benjamin Essel għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu. Naxxar skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-aħħar azzjoni tal-konfront b’azzjoni personali ta’ SATURDAY NANAPERE li għeleb lil Edward Gatt.

Sirens jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat

VITTORIOSA STARS ……… 0 SIRENS………………….. 0

Vittoriosa: C. Cassar, C. Spiteri, I. Curmi, K. Degiorgio, M. Panzo Barkley, M. Scicluna (A. Cilia Mumford 86’), P. Papadakis, N. Ojuola, D. Tabone, L. Gauci, L. Casha

Sirens: M. Montfort, K. Farrugia, R. Mandic, D. Sant, R. Grech, M. del Negro, M. Morgon Filho (L. Mijic 73’), M. Bustos, C. Gauci, A. Ige, R. Fenech (M. Micallef 85’)

Referee: Ishmael Barbara

Wara li aċċertaw mill-promozzjoni, Sirens issa huma wkoll matematikament champions tal-Ewwel Diviżjoni meta kisbu l-punt li kellhom bżonn. Dan il-punt jgħin lil Vittoriosa Stars fit-tentattiv li jevitaw il-play-off.

L-ewwel taqsima kienet nieqsa mill-azzjonijiet bl-unika azzjoni denja tasal wara ħames minuti b’daqqa ta’ ras ta’ Abdullahi Ige tgħaddi ftit barra. Fit-tieni taqsima Sirens kienu aħjar u fis-57 minuta xutt ta’ Marco Antonio Morgon Filho għadda ftit għoli. Fid-69 minuta Christian Cassar dawwar f’korner xutt ta’ Morgon Filho, biż-żewġ timijiet ma jkunux ta’ periklu fl-aħħar 20 minuta.

Santa Lucia eqreb li jikkonfermaw it-tielet post

MARSA………………….. 0 SANTA LUCIA………….. 6

Marsa: L. Seisun, L. Camilleri (B. Cassar 46’), J. Lovegrove, M. Marra, J. Theuma, R. Gatt de Raffaele (J. Gauci 72’), L. Ciantar, O. Cristiani, N. Kojiro, O. Anyaso, R. Gafà

Santa Lucia: D. Carabott, J. Busuttil, J. Mendoza, J. Suda (P. Lapira 60’), K. Rosero, L. Mosquera Segura (M. Guillari 70’), J. Magri Overend (N. Micallef 55’), D. Vukovic, L. Galea, K. Camilleri, N. Borg

Referee: Slobodan Petrovic

Santa Lucia komplew jersqu lejn il-konferma tat-tielet post li jfisser play-off kontra t-tielet tim mill-aħħar tal-Kampjonat Premier, b’rebħa faċli ta’ 6-0 fuq it-tim relegat Marsa. Huma fetħu l-iskor fit-33 minuta b’gowl ta’ LUIS MOSQUERA SEGURA li għeleb lil Leon Seisun b’daqqa ta’ ras. Sitt minuti wara l-iskor sar 2-0 permezz ta’ NICK BORG li ma kellux diffikultà jiskorja minn qagħda ideali.

Santa Lucia skorjaw it-tielet gowl fil-50 minuta bi free-kick dirett ta’ JACKSON USUGA MENDOZA u kabbru l-iskor fis-67 minuta b’xutt bid-dawra ta’ KEVIN ANTE ROSERO. Il-ħames gowl wasal fit-72 minuta meta reġa’ kien KEVIN ANTE ROSERO li skorja b’xutt għar-rokna, biex Santa Lucia ssiġillaw ir-rebħa erba’ minuti wara bis-sostitut PAUL LAPIRA jikkonkludi mill-viċin.