BALZAN……………… 2 SLIEMA WANDERERS ………….. 1
Balzan: S. Mintoff, J. Grioli, N. Sljivic, E. Serrano Valero, R. Correa (C. de Fiori Mendes 88’), U. Ljubomirac, M. Lepovic (D. Camilleri 70’), P. Fenech, S. Pisani, A. Majdevac (S. Bezzina 77’), A. Effiong
Sliema: T. Aquilina, J. Mintoff (F. Temile 24’), K. Shaw, J. Pearson, N. Ashong, M. Scerri (S. Cassar 67’), C. Pani, R. Fenech, A. Muscat (G. Barone 71’), Y. Marzouk, I. Varela
Imwissija: M. Scerri 61’, I. Varela 63’, Y. Marzouk 86’, N. Ashong 94’ (S), E. Serrano Valero 75’, S. Mintoff 90’ (B)
Skorjaw: A. Effiong 7’, A. Majdevac 13’ (B), K. Shaw 45’ (S)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Duncan Sultana, Thomas Debono
Il-mument Plejer tal-logħba: Riccardo Correa (Balzan)
Balzan kisbu rebħa fondamentali fit-tamiet tagħhom li jispiċċaw fir-raba’ post li jista’ jfisser post fl-Ewropa staġun ieħor. Ir-rebħa ta’ 2-1 fuq Sliema Wanderers waslet wara li skorjaw żewġ gowls kmieni u titqies aktar importanti minħabba li hu konfront dirett. Għal Sliema din it-telfa tista’ tkun id-daqqa mortali minħabba li issa jinsabu tliet punti taħt Ħamrun u nqabżu mill-istess Balzan.
Balzan fetħu l-iskor wara seba’ minuti. Kien free-kick mil-lemin ta’ Ricardo Correa, b’Timothy Aquilina jimbotta l-ballun mal-mimduda, iżda ALFRED EFFIONG kien pront u kompla l-ballun għal ġewwa. Balzan saħansitra rduppjaw sitt minuti wara meta Ricardo Correa twaqqa’ fil-kaxxa minn John Mintoff, bir-referee Trustin Farrugia Cann jordna l-penalty. Mill-11-il metru, ANDRIJA MAJDEVAC għeleb lil Aquilina b’xutt preċiż.
Sliema bdew jidħlu fil-logħba u wara li xutt ta’ Younes Marzouk għadda barra fid-19-il minuta, man-nofs siegħa logħob l-istess plejer ra d-daqqa ta’ ras tgħaddi barra wara kross ta’ Ryan Fenech. It-tim ta’ Stefano Maccoppi naqqas id-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt ta’ KURT SHAW minn barra l-kaxxa li għeleb lil Sean Mintoff, bil-ballun jispiċċa fil-ġenb tax-xibka.
Fit-tieni taqsima, Sliema ħarġu jfittxu l-gowl tad-draw u kważi rnexxielhom iżda l-gowlkiper Mintoff ċaħħad id-daqqa ta’ ras ta’ Frank Temile milli tidħol fix-xibka. Huma appellaw għal penalty fid-69 minuta għal fawl ta’ Nenad Sljivic fuq is-sostitut Kilian Amehi, iżda Farrugia Cann ħalla l-logħob għaddej. Balzan setgħu għalqu l-logħba żewġ minuti mit-tmiem, bis-sostitut Carlos de Fiori Mendes jara x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta.