Futbol Sport

RITRATTI: Ħamrun jikkundannaw lil Pietà għall-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Matthew Tabone)

PIETÀ HOTSPURS …………… 0 ĦAMRUN SPARTANS ………. 2

Pietà: J. Chircop St. John, T. Ose, C. Grech, A. Machedo Neto, J. Artiaga, I. Jalo (N. Pace Cocks 81’), D. Agius, U. Umeh, G. Mensah, J. Busuttil (N. Pisani 86’), P. Chimezie (J. Delmar 90’)

Ħamrun: M. Bartolo, K. Micallef, O. Nikolopoulos, E. Pepe, A. Scicluna, T. Caruana, C. Calil (M. Gauci 86’), M. Criaco (C. Borg 26’), C. Henneberg, K. Tulimieri, W. Domoraud (R. Darmanin 76’)

Imwissija: I. Jalo 30’ (P)

Skorjaw: K. Tulimieri 34’, W. Domoraud 76’ (Ħ)

Referee: Mario Apap

Assistenti Referee: Mitchell Scerri, Ivan Galea

Il-mument Plejer tal-logħba: Wilfried Domoraud (Ħamrun Spartans)

Ħamrun Spartans komplew jittamaw li jiksbu post fl-Ewropa għal staġun ieħor meta b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Pietà Hotspurs 2-0. B’dan ir-riżultat Pietà ġew matematikament relegati wara staġun fl-ogħla diviżjoni.

Il-Ħamruniżi rebħu meritatament hekk kif ħolqu aktar mill-avversarji filwaqt li d-difiża kkontrollat l-isforzi ta’ Pietà li pruvaw minkejja li kienu fjakki quddiem il-lasta. Minkejja dan, Ħamrun kellhom bżonn it-tieni gowl biex serrħu rashom.

Wara minuta, Wilfried Domoraud prova b’xutt li għadda tul il-lasta u wara kwarta Marco Criaco mar qrib b’xutt minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra. Tliet minuti wara Manuel Bartolo kien impenjat meta salva eżatt fuq Paul Chimezie.

It-tim ta’ Giovanni Tedesco reġa’ mar viċin fit-33 minuta b’Domoraud iqassam lil Kevin Tulimieri li ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Jacob Chircop St. John iżda xxuttja barra. Madankollu huma fetħu l-iskor minuta wara b’Carlos Henneberg jaqbeż lill-gowlkiper ta’ Pietà u qassam lejn KEVIN TULIMIERI li skorja minn ċentimetri bogħod.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, daqqa ta’ ras ta’ Carlos Henneberg minn kross ta’ Domoraud għaddiet ftit barra. Fit-52 minuta, Dylon Agius impenja lil Manuel Bartolo li bi bravura dawwar f’korner. Tliet minuti wara xutt ta’ Jan Busuttil għadda ftit barra.

Ħamrun irduppjaw fis-76 minuta bi kross ta’ Karl Micallef isib lil WILFRIED DOMORAUD li faċilment għeleb lil Chircop St. John. Pietà setgħu skorjaw lejn it-tmiem b’daqqa ta’ ras ta’ Gabriel Mensah tegħleb lil Bartolo iżda mhux il-mimduda.