Futbol Sport

RITRATTI: Haruna Garba jevita t-tieni telfa għal Gżira

(Ritratt: Trevor Sollars)


MOSTA……………….. 1 GŻIRA UNITED …………….. 1

Mosta: A. Vella, M. Sammartino (K. Zammit 89’), B. Jnohope, T. Farrugia, R. Morisco, D. Bonnici (J. Brincat 46’), G. Cuomo, A. Roach, R. Ekani, D. Imeri (K. Frendo 80’), Z. Brincat

Gżira: A. Curmi, R. Briffa (J. Domoraud 62’), C. Gatt Baldacchino, R. Soares, S. Borg, G. Conti (A. Cohen 62’), Z. Scerri, E. Bilbao Zarate, N. Muscat, J. Corbalan (F. Barbosa 89’), H. Garba

Imwissija: R. Ekani 72’ (M), Z. Scerri 72’ (G)

Skorjaw: Z. Brincat 6’ (M), H. Garba 93’ (G)

Referee: Alex Johnson

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Theodore Zammit

Il-mument Plejer tal-logħba: Rafael Morisco (Mosta)

Gowl bl-aħħar xutt tal-logħba ta’ Haruna Garba evita t-tieni telfa fil-kampjonat lil Gżira. Id-draw ta’ 1-1 jagħmel ġustizzja ma’ Gżira li ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor u saħansitra laqtu l-lasta erba’ darbiet fil-logħba. Il-Mostin kienu tattikament dixxiplinati bil-koppja ċentrali magħmula minn Tyrone Farrugia u Rafael Morisco tmexxi lit-tim mid-difiża. Huma bdew joperaw bil-kontrattakki u kienu perikolużi f’numru ta’ azzjonijiet, għalkemm il-kowċ Mark Miller żgur mhux kuntent bil-mod kif sofrew il-gowl fl-aħħar.

Mosta fetħu l-iskor wara sitt minuti bi kross mil-lemin ta’ Massimo Sammartino li kien imxellef minn Rodolfo Soares, b’ZACHARY BRINCAT jantiċipa l-ħarġa ta’ Anthony Curmi u skorja b’daqqa ta’ ras bl-għajnuna tal-wieqfa.

Gżira laqtu l-lasta fl-20 minuta bi free-kick dirett ta’ Edison Bilbao Zarate li stampa l-mimduda. Ċans ieħor għal Gżira tmien minuti wara bi kross mix-xellug ta’ Sacha Borg lejn Haruna Garba, b’Andreas Vella jsalva parzjalment il-ġest akrobatiku tal-attakkant. Il-Maroons kienu sfortunati fl-40 minuta. Nikolai Muscat għadda tajjeb lil Garba li evita d-daħla ta’ Vella, iżda x-xutt minn qagħda tajba ħabat man-naħa xellugija tal-lasta, biex għaxar sekondi, xutt djagonali ta’ Muscat destinat għax-xibka ġie mċaħħad min-naħa leminija tal-lasta.

Il-kowċ ta’ Mosta Mark Miller għamel bidla tattika fit-tieni taqsima meta qeleb b’erba’ difensuri filwaqt li bil-bidla sar spostamet tattiku ta’ xi plejers. Gżira ħarġu jfittxu l-gowl u fis-47 minuta Vella kien attent biex salva parzjalment xutt fil-baxx ta’ Nikolai Muscat.

Mosta setgħu rduppjaw fil-50 minuta b’Akeem Roach jiftaħ fuq il-lemin lejn James Brincat, iżda Anthony Curmi ħareġ tajjeb biex blokka x-xutt. Minuta wara, Gżira reġgħu kienu perikolużi b’Garba iqassam fuq il-lemin tiegħu lejn Zarate iżda x-xutt tiegħu għadda ftit barra. Fit-62 minuta Juan Corbalan irċieva kross ta’ Gianmarco Conti iżda x-xutt tiegħu ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka, biex seba’ minuti wara s-sostitut Andrew Cohen laqat il-mimduda b’xutt meqjus, b’Nikolai Muscat jiskorja mir-rebound iżda kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Mosta kellhom free-kick ta’ Demir Imeri spiċċa ftit għoli fit-73 minuta u fid-89 minuta Curmi dawwar f’korner xutt ta’ Rodriguez Ekani. Gżira ġabu d-draw fl-aħħar azzjoni tal-logħba fit-93 minuta meta minn throw-in ta’ Nikolai Muscat, HARUNA GARBA ddefenda l-ballun u b’xutt li kien imxellef qarraq b’Andreas Vella.