Futbol Sport

RITRATTI: Valletta jieħdu dak li riedu mingħajr ma jikkonvinċu

(Ritratt: Trevor Sollars)


VALLETTA…………. 1 TARXIEN RAINBOWS………… 0

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, R. Camilleri, J. Caruana, J. Borg (A. Monticelli 86’), J. Zerafa (B. Gavrila 69’), R. Muscat, S. Malano, M. Alba, M. Fontanella (N. Pulis 89’), K. Nwoko

Tarxien: M. Buhagiar, M. Botta, D. Zerafa, D. Mambouana, L. Grech, M. Spiteri, A. De Barros, G. Aquilina, M. Ciantar (M. Brincat 89’), R. Faria (D. Falzon 86’), A. Nilsson (A. Agius 75’)

Imwissija: R. Camilleri 8’ (V), D. Zerafa 24’, M. Botta 32’, A. De Barros 68’, M. Spiteri 80’ (T)

Skorja: M. Alba 29’ (V)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Roberto Vella, William Debattista

Il-mument Plejer tal-logħba: Miguel Alba (Valletta)

Attendenza: 1419

Valletta jinsabu rebħa bogħod milli jassiguraw il-25 kampjonat b’rebħa ta’ 1-0 kontra Tarxien Rainbows. Minkejja li ddominaw il-logħba, Valletta naqsu li jkunu kreattivi biżżejjed u wara li ma għalqux il-logħba, saħansitra ssugraw li jsofru l-gowl tad-draw lejn it-tmiem.

Huma jinsabu ħames punti vantaġġ fuq Hibernians b’logħba aktar u poġġew il-pressjoni fuq il-Pawlisti li jridu jirbħu bilfors għada kontra Senglea Athletic biex jibqgħu jittamaw. Tarxien lagħbu mingħajr pressjoni u għalkemm ma kinux ta’ periklu għal Valletta, għalqu l-ispazji tajjeb u għamluha diffiċli għall-avversarji, bid-difiża tkun kompatta f’ħafna ħinijiet.

Valletta fetħu fuq l-attakk u wara żewġ minuti xutt minn barra l-kaxxa ta’ Kyrian Nwoko għadda ftit għoli. Fid-disa’ minuta Maverick Buhagiar blokka tajjeb xutt fil-baxx ta’ Mario Fontanella wara passaġġ ħażin ta’ Marco Botta. Il-Beltin kienu għoddhom fetħu l-iskor fit-18-il minuta permezz ta’ Fontanella iżda l-gowl kien imħassar għal offside. Iżda fid-29 minuta Valletta marru fil-vantaġġ b’MIGUEL ALBA jdur ma’ avversarju u b’xutt minn madwar 25 metru għeleb lil Maverick Buhagiar li seta’ biss imiss il-ballun.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess b’Valletta bil-pussess tal-ballun iżda ma kinux perikolużi wisq. Fid-69 minuta Valletta setgħu rduppjaw bi free-kick insidjuż ta’ Miguel Alba li għadda bejn diversi plejers ta’ Valletta u baqa’ sejjer barra. Minuta wara azzjoni tajba b’Santiago Malano jqassam vertikalment lejn Fontanella li iżda kellu x-xutt fil-baxx salvat tajjeb minn saqajn Buhagiar. Ftit sekondi wara, Enmy Pena Beltre tefa’ kross fil-kaxxa lejn Nwoko, bid-daqqa ta’ ras tal-attakkant tgħaddi għoli.

Tarxien kważi serqu punt fis-96 minuta meta minn korner mil-lemin, id-difiża Beltija naqset li tbiegħed il-periklu, bix-xutt ta’ Daniel Zerafa jkun salva mirakolożament minn Henry Bonello.