Roma reġgħu jinsabu fit-taqtigħa għar-raba’ post wara żewġ rebħiet konsekuttivi ta’ 1-0 kontra Sampdoria u Udinese. Illum huma jilagħbu fi Stadio Giuseppe Meazza kontra Inter biex jikkonfermaw il-kredenzjali tagħhom għall-aħħar logħbiet li jistgħu jsalvaw staġun diffiċli għalihom.
Inter jinsabu f’pożizzjoni ftit aħjar minħabba li qegħdin it-tielet ħames punti fuq Milan u għalhekk rebħa llum tkun kważi aċċertathom minn post fiċ-Champions League. Fl-aħħar erba’ logħbiet, Inter rebħu kontra Genoa u Frosinone, spiċċaw draw kontra Atalanta u tilfu kontra Lazio.
Din il-logħba se tfisser ukoll li l-kowċis Luciano Spalletti u Claudio Ranieri se jilagħbu kontra l-eks timijiet tagħhom filwaqt li jekk ikun inkluż, Radja Nainggolan se jilgħab l-ewwel logħba minn meta ħalla lil Roma fis-sajf li għadda, wara li kien imweġġa’ fil-logħba tal-ewwel rawnd.
Spalletti mistenni jkollu lil Marcelo Brozovic nieqes filwaqt li Borja Valero jinsab dubjuż, b’Roberto Gagliardini jista’ jibda f’nofs il-grawnd. Roma se jkollhom lil Daniele De Rossi, Davide Santon u Rick Karsdorp barra iżda Juan Jesus mistenni jirkupra.
Wara d-diżappunt li ġew eliminati mill-UEFA Champions League fost il-ġimgħa, Juventus jistgħu jaċċertaw mir-rebħ tat-tmien kampjonat konsekuttiv b’konfront f’darhom kontra Fiorentina.
Jekk Juventus joħorġu telliefa, xorta jistgħu jaċċertaw mill-kampjonat jekk Napoli ma jirbħux f’darhom nhar it-Tnejn kontra Atalanta. In-Naplitani wkoll kienu eliminati minn kompetizzjoni Ewropea fost il-ġimgħa u wieħed irid jara x’se tkun ir-reazzjoni tagħhom. Huma jinsabu xxamplati fit-tieni post fejn ilhom staġun sħiħ.
Atalanta għandhom aktar bżonn il-punti għaliex qed jissieltu biex jiksbu post fl-Ewropa. Id-draw ta’ 0-0 kontra Empoli t-Tnejn li għadda, waqqaf ftit is-sensiela pożittiva li kienu ġejjin u b’hekk jinsabu żewġ punti taħt ir-raba’ post.
Milan żammew ir-raba’ b’rebħa missielta fuq Lazio u jmorru fi Stadio Tardini kontra Parma li se jkollhom diversi plejers nieqsa. Parma għadhom bla rebħa minn meta għelbu lil Genoa fil-bidu ta’ Marzu.
Fost il-plejers imweġġgħin li għandhom hemm Bruno Alves, Roberto Inglese, Jonathan Biabiany u Alberto Grassi, b’Gervinho mistenni jibda fuq il-bank tas-sostituti wara li daħal fit-tien itaqsima fl-aħħar logħba.
Milan mistennija jkollhom lura lil Gianluigi Donnaruma fil-lasta iżda probabbilment ikollhom nieqsa lil Lucas Paquetà u Davide Calabria. F’dan l-istadju tal-kampjonat u b’diversi timijiet warajhom, Milan ma jistgħux ifallu punti u għalhekk il-pressjoni se tkun kollha fuqhom.
Ir-rebħa tat-Tlieta li għadda fuq Udinese reġgħet poġġiet lil Lazio b’ċans tajjeb li jiksbu r-raba’ post. Lazio qed ikunu inkonsistenti f’dan l-istaġun u l-kowċ Simone Inzaghi żgur qed jara din il-logħba bħala bidu ta’ riżultati pożittivi, hekk kif Chievo huma diġà relegati.
Serie A
Illum:Parma v Milan 12.30pm , Bologna v Sampdoria 3.00pm , Cagliari v Frosinone 3.00pm , Empoli v Spal 3.00pm , Genoa v Torino 3.00pm , Lazio v Chievo 3.00pm , Udinese v Sassuolo 3.00pm , Juventus v Fiorentina 6.00pm , Inter v Roma 8.30pm ,It-Tnejn: Napoli v Atalanta 7.00pm
//= $special ?>