Lokali

Sister Antoinette tagħlaq 100 sena – “il-Quddies ta’ kuljum żammitni għaddejja”

Skont Sister Antoinette Farrugia, is-sigriet li għexet għal mitt sena hi l-Quddies, li sa mindu kellha ħames snin ippruvat li qatt ma titlef waħda sal-ġurnata ta’ llum.

Iltqajt magħha fir-residenza ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni fir-Rabat, fejn imdawra minn ħutha s-sorijiet, f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira qed tiċċelebra seklu mit-twelid tagħha fejn għal darba darbtejn innutatli li għadha tattendi għall-quddies ta’ kuljum.

Anke l-Għid il-Kbir għandu sinifikat importanti għal Sister Antoinette Farrugia, li fl-1919 twieldet propju f’Jum l-Għid fil-Belt Valletta. “Minn mindu kelli ħames snin kont inqum, filgħodu. Konna noqgħodu bieb ma’ bieb ma’ tal-Karmnu, u kont immur il-Quddies. Minn dakinhar bqajt immur kuljum,” tirrakkonta Sister Antoinette.

Daħlet mas-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni bħala Postulanta fil-11 ta’ Settembru tal-1942. Għamlet in-novizzjat tagħha hawn Malta u fit-3 t’Ottubru 1944 għamlet l-ewwel voti. Il-voti perpetwi għamlithom fit-3 t’Ottubru 1950.

“Kont immur l-iskola tas-sorijiet u minn hemm attiratni l-ħajja ta’ soru,” tiftakar Sister Antoinette meta mistoqsija x’wassalha biex tagħżel din il-ħajja ddedikata għall-oħrajn. Madankollu ma kinitx faċli, lanqas għall-familja tagħha. “Il-papa beda jibki meta sar jaf li se nidħol soru u allura tlaqt ukoll mid-dar. Madankollu ħa gost ħafna li qbadt din it-triq.”

Sister Antoinette ħadmet ħafna hawn Malta bħala għalliema fl-iskejjel tal-kongregazzjoni … kemm f’Raħal Ġdid kif ukoll ir-Rabat. Minkejja li għadda tant żmien, Sister Antoinette għadha timmissja ż-żmien li kienet tgħallem u wkoll iż-żmien meta l-istess studenti kienu jorqdu fid-dar tal-irtiri tar-Rabat, flimkien magħhom.

“Kont ngħallimhom jirreċtaw,” tispjega bi kburija, waqt li tiftakar li t-tfal li kellha x-xorti tgħallem kienu nies mill-aħjar u ħelwin.

Wara kienet ukoll Fatima House f’Tas-Sliema u mill-1970 kienet dejjem ir-Rabat fejn għal fejn għal żmien twil ħadmet bħala sagristana u anke tgħin fil-komunità tar-Rabat.

Sa llum-il ġurnata, uħud mill-eks studenti tagħha għadhom iżuruha waqt li oħrajn jagħżlu d-dar tal-irtiri tal-istess kongregazzjoni fir-Rabat biex iqattgħu xi jiem ta’ mistrieħ. Sister Mary Fenech, waħda mis-sorijiet li jgħixu magħha fid-dar tar-Rabat, tispjega magħna li mhix xi ħaġa żgħira meta tisma’ lil soru li għandha mitt sena li għadha titkellem b’tant nostalġija għat-tfal li kienet tgħallem u li baqgħet timmissja s’issa.

“Meta uħud minnhom jiġu hawn u speċifikament jistaqsu għaliha, kieku taf kemm tifraħ. Tara d-dawl ħiereġ minn wiċċha daqs kemm tkun kuntenta li kienet tgħallimhom minn meta kienu żgħar,” tgħidilna Sister Mary.

Tiddeskrivi lil Sister Antoinette bħala “bniedma b’ħafna sempliċità, mara retta ħafna li tagħti lill-oħrajn eżempju kbir ta’ kif għandha tkun il-ħajja reliġjuża. Tgħin ħafna u tispirana ħafna fil-ħajja reliġjuża tagħna. Bniedma ta’ qalb kbira ħafna, ta’ mħabba u li kienet dejjem hemm għall-quddiesa sa minn filgħodu titlob.”

Iżda x’inhu l-messaġġ ta’ Sister Antoinette fil-jum ta’ għeluq sninha? “Ħobbu lil Alla u titilqux il-quddies, għax dik li żammitni. Dejjem bqajt immur il-quddies, kuljum kuljum, f’ħajti ma tliftx darba. Nirringrazzja lill-Bambin ma kontx marida.”