Futbol Sport

Tliet timijiet jissieltu għall-promozzjoni fl-aħħar ġurnata tat-Tieni Diviżjoni

Illum jiġi fi tmiemu l-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni bil-postijiet tal-promozzjoni għadhom mhux deċiżi. Bħalissa St. George’s u Fgura United jinsabu fil-quċċata b’50 punt, żewġ punti aktar minn Mġarr United, bit-tliet timijiet se jilagħbu fl-istess ħin.

St. George’s jilagħbu kontra Birżebbuġa St. Peter’s f’dak li jista’ jitqies bħala l-itqal konfront mit-tlieta. Il-Bormliżi ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi u fil-preżent għandhom l-aħjar difiża tal-kampjonat, żewġ fatturi li jistgħu jpoġġuhom favoriti. Birżebbuġa jinsabu fil-ħames post u l-unika ċans li għandhom hu li jaqbżu lil Marsaxlokk. Fl-aħħar ħames logħbiet huma kisbu biss żewġ rebħiet.

Fgura United jilagħbu kontra Santa Venera Lightnings, tim li għandu bżonn it-tliet punti biex jibqa’ b’ċans li jsalva. Fgura fl-aħħar erba’ logħbiet kisbu żewġ rebħiet, draw u telfa kontra St. George’s, iżda tul il-kampjonat kienu fost l-aktar konsistenti.

Bħalissa, Mġarr United hu l-anqas tim b’ċans għall-promozzjoni minħabba li minbarra li rebħa jridu jiddependu mir-riżultati taż-żewġ timijiet l-oħra. Jekk dan ma jseħħx, huma jilagħbu l-play-off kontra t-tielet tim mill-aħħar tal-Ewwel Diviżjoni minħabba li huma assigurati mit-tielet post. Huma ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi u ilhom bla telfa minn nofs Jannar. Kalkara fuq in-naħa l-oħra jinsabu komdi f’nofs il-klassifika u laħqu l-għan prinċipali li jsalvaw.

Logħob li jmiss

Sirens Stadium:Kalkara v Mġarr United 4.00pm , Melita v Marsaxlokk 6.15pm

Luxol Stadium:St. George’s v Birżebbuġa St. Peter’s 4.00pm , Rabat A. v Mellieħa 6.15pm

Victor Tedesco Stadium: Santa Venera Lightnings v Fgura United 4.00pm , Luqa St. Andrews v Żabbar St. Patrick 6.15pm