Sport

EAP Malta International u Adam Walker fis-26 programm Sport Extra

Charles Camenzuli jintervista lil Adam Walker

Illum fuq Net Television mis-6.05pm ‘l quddiem jixxandar is-26 programm Sport Extra bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Charles Camenzuli.

Fl-ewwel parti tal-programm tingħata importanza l-atletika lokali b’laqta internazzjonali. Fl-4 ta’ Mejju Pembroke Athletics Club se jorganizzaw il-European Athletics Promotion Malta International fil-Matthew Micallef St. John Stadium fil-Marsa. Il-mistiedna fil-programm huma l-uffiċjal tal-istess klabb Norman Saliba kif ukoll tnejn mill-atleti ewlenin Ian Grech u Steve Camilleri.

Fit-tieni parti tkompli s-serje ta’ intervisti esklussivi li jixxandru fi Sport Extra kull ġimgħa. Fil-jiem li għaddew, Charles Camenzuli intervista lil wieħed mill-aqwa għawwiema fil-preżent Adam Walker li għandu esperjenzi fl-oċeani u distanzi fit-tul, minbarra esperjenzi varji li hu stess jirrakkonta. Fost dawn hemm meta deher li seta’ jkun attakkant minn shark u spiċċa skortat mid-delfini.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Michael Farrugia u Joe Sultana.