Illum bil-qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu jitwieled sens ġdid, sens tal-fidi hekk kif il-bniedem jitwieled għal ħajja ġdida, għal ħajja ta’ dejjem. Dan kien il-qofol tal-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt l-omelija f’Ħadd il-Għid. L-Arċisqof sostna li l-qabar vojt ta’ Kristu nissel biża fin-nisa li sabuh, kif ukoll fl-appostli u d-dixxipli ta’ Ġesu. Minkejja dan iżda, Pietru qam u ġera lejn il-qabar għax hu kien sema’ x’kien qal Ġesu’ u kellu fih fidi kbira.
Mons. Scicluna temm jgħid li llum għandna nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal tal-fidi u għandna niġġeddu, f’qalbna u f’ruħna ħalli nintlew bil-paċi li jġib miegħu Ġesù rxoxt.
Intant waqt il-quddiesa tal-Viġili tal-Għid li saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann tgħammdu tmien adulti ġejjin minn seba’ pajjiżi differenti. Tul ir-Randan dawn il-katekumeni iltaqgħu bosta drabi mal-Arċisqof biex jitħejjew flimkien għal dan il-pass importanti. Apparti l-magħmudija, huma rċevew ukoll is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof u t-Tqarbin.