Flimkien għal Pajjiżna għax il-Partit Nazzjonalista għandu r-rieda politika li jtejjeb il-ħajja tal-famiji, tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ u tal-anzjani.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt kollegament telefoniku fuq NET FM, fejn anke awgura l-Għid it-Tajjeb lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Hu tenna li l-Partit Nazzjonalista qed ifassal il-politika tiegħu madwar in-nies, biż-żjarat li kuljum qed jagħmel fil-lokalitajiet u fil-postijiet tax-xogħol flimkien mal-Kandidati kollha.
It-Tnejn, il-Partit Nazzjonalista se jniedi uffiċjalment il-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tal-25 ta’ Mejju li ġej, bit-tema magħżula tkun Flimkien għal Pajjiżna.
Din il-politika qed tissarraf fi proposti konkreti li l-Partit Nazzjonalista diġà nieda, fosthom għall-bdiewa u raħħala, kif ukoll għall-promozzjoni tal-prodott lokali frisk, għall-qbiela, għall-Kunsilli Lokali, dwar l-iskart tal-kostruzzjoni, fil-ġlieda kontra l-kanċer, dwar is-sostenibbiltà tal-ambjent, biex l-SMEs jiksbu aktar fondi Ewropej, għall-indipendenza u l-kompetenza tas-servizz pubbliku u anke dwar Għawdex.
Il-Ħadd li ġej, 28 ta’ April, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ l-Kunsill Ġenerali, fejn se jitressqu l-Programmi Elettorali tal-Partit għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.
Dan il-Kunsill Ġenerali se jkun indirizzat ukoll miċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber, li hu wkoll il-Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-post ta’ Jean Claude Juncker, bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Bħala membru sħiħ fil-Partit Popolari Ewropew, vot lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonaista jfisser ukoll vot għal Weber. Dan filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-Programm Elettorali tagħhom is-Soċjalisti nkludew l-aċċess għall-abort.
Matul il-Kunsill Ġenerali se tingħata ħarsa wkoll lejn il-ħidma li wettqu l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, fosthom ir-riżultati li minnhom qed igawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha.
U fl-1 ta’ Mejju, il-Partit Nazzjonalista se jorganizza Maratona ġbir ta’ Fondi biex ikun jista’ jara li l-kampanja elettorali tkun waħda finanzjarjament sostenibbli.
//= $special ?>