Lokali Unjoni Ewropea

Tibda l-kampanja elettorali tal-PN “Flimkien għal Pajjiżna”

Intervista mas-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli

“Ejjew naħdmu Flimkien Għal Pajjiżna, biex finalment nagħtu pjan fit-tul għal Malta; pjan li jgawdi minnu kulħadd, biex il-ġid ma jkunx biss għall-ftit iżda għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Hekk stqarr ma’ il-mument is-Segretraju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli f’intervista dwar il-bidu tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew – kampanja li se tibda minn għada. 

Fl-intervista, Clyde Puli insista li l-PN dejjem ħaddan sett ta’ prinċipji u valuri, u dawn il-valuri se jibqgħu s-sinsla morali tal-Partit. Huwa qal li pajjiiż qed jaffronta sfidi – l-isfida tal-korruzzjoni u l-isfida tat-tkabbir bla proporzjon – u dan qed joħloq numru ta’ problemi f’numru ta’ setturi.

Clyde Puli fakkar li dawn iż-żewġ sfidi kbar huma kumplimentari ma’ xulxin, waħda treġi lil oħra, u b’xi mod jew ieħor dawn l-isfidi qed jolqtu lil numru ta’ setturi oħra fosthom:

• il-kirjiet tal-propjetà

• il-prezz tal-propjetà

• it-traffiku

• l-għoli tal-ħajja

• il-pagi baxxi

Dawn huma ftit mill-ħafna setturi li qed jiġu affettwati fejn anki fl-aħħar jiem minn stħarriġ li sar, irriżulta li Malta qed tħallas €750 miljun għall-korruzzjoni. Clyde Puli hawn irrimarka li kieku dawn ġew investiti fil-poplu kieku żgur kienet tinbena skola ġdida, isir investiment aħjar fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-pensjonijiet, fil-kummerċ, fl-agrikoltura u l-ambjent fost l-oħrajn.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel politika li toffri alternattivi oħra u li huma sostenibbli tassew. 

Clyde Puli sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħares id-demokrazija u fisser bħala rebħa għad-demokrazija f’Malta wara li ġew aċċettati l-emendi tal-Partit Nazzjonalista għall-proċess elettorali.

Il-Gvern aċċetta l-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista, fosthom li ssir verifika tal-poloz tal-voti b’mod manwali qabel jiġu pproċessati b’mod elettroniku, li permezz tagħhom jiġi assigurat li l-proċess tal-għadd tal-voti jkun trasparenti, ġust u ħieles minn manuvri li setgħu jtellfu l-fiduċja fil-proċess tal-għadd elettroniku.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif f’Diċembru li għadda qamu dubji kbar dwar is-sistema tal-għadd elettroniku u l-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex jipproponi emendi fil-proċess biex ikun assigurat li r-riżultati tal-elezzjonijiet jkunu verament jirriflettu r-rieda tal-elettorat.

Huwa għamel referenza għar-rapport Greco fejn il-grupp tal-istati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra  l-korruzzjoni, ibbaża r-rapporti tiegħu fuq Malta. Huwa għamel referenza għal dak li qal l-Imħallef Marin Mrčela li kkontradixxa dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-aħħar jiem fejn allega li r-rapport Greco huwa bbażat fuq dak li qalet il-midja, u hekk kif spicca dahru mal-ħajt, anki pponta subgħajh lejn l-Oppożizzjoni li kellha x’taqsam ma’ dan ir-rapport – xi ħaġa li issa ġiet imgiddba mill-Imħallef Mrčela, li hu l-President tal-Greco.

Clyde Puli saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħares il-verità u l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Fl-aħħar jiem kienu ħafna wkoll dawk li fuq il-midja soċjali wrew reazzjonijiet negattivi lejn il-Gvern Soċjalista għall-mod kif it-tarbija fil-ġuħ tneħħiet mid-definizzjoni ta’ familja, u kif ukoll għal-logħob fil-lingwaġġ li wieħed isib fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

Din hi ħaġa li kienet kritikata mill-Partit Nazzjonalista li  jibqa’ impenjat li jmexxi ’l quddiem politika li mhux biss tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf iżda li tagħmel minn pajjiżna mudell tal-Unjoni Ewropea fejn it-tarbija fil-ġuf tingħata r-rispett u d-dinjità li jixirqilha.

Il-PN se jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali l-Ħadd

Jattendi l-Kap tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli ħabbar li l-Ħadd li ġej, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ Kunsill Ġenerali u mhux biss se jittieħed vot fuq il-programm elettorali, iżda wkoll fostna se jkollna l-Kap tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber.

Clyde Puli se jagħti ħarsa fil-Kunsill Ġenerali lejn il-ħidma li wettqu l-MEPs Nazzjonalisti li ġabu bosta riżultati li minnhom qed igawdu l-Maltin u l-Għawdxin. Huwa għamel referenza għad-direttiva tal-Work Life Balance, iż-żieda tal-Ħarsien tal-Kosta, xi ħaġa li hemm bżonn inkomplu naħdmu fuqha biex tiġi salvagwardata Malta. Hemm ukoll il-ħidma tal-Maltin li jitħallsu mill-YouTube għall-kontenut li joħolqu u jxerrdu online. Dan fost ħidma oħra anki fuq is-saħħa u l-edukazzjoni.

Huwa fakkar kif fl-elezzjonijiet li ġejjin, kemm tal-Kunsilli Lokali kif ukoll tal-Parlament Ewropew, il-poplu għandu joħroġ bi ħġaru biex jivvota lill-kandidati kollha tal-PN.

Maratona ta’ ġbir ta’ fondi fl-1 ta’ Mejju

Il-Partit Nazzjonalista se jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-PN li se ssir fl-1 ta’ Mejju li ġej. Huwa ħeġġeġ lill-partitarji biex jagħtu d-donazzjonijiet b’risq il-Partit Nazzjonalista biex ikun jista’ jwassal aktar il-messaġġ u l-politika tiegħu għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju. 

Is-Segertarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, dejjem ħaddan u se jibqa’ jħaddan il-prinċipji u l-valuri li jsawruh. S

e jibqa’ jibni politika man-nies għax jemmen fil-kuntatt dirett u se jibqa’ jħares lill-batut għaliex il-PN huwa l-alternattiva denja ta’ dan il-Gvern Soċjalista tal-lum.