Lokali

Iċċelebrata l-akbar festa tal-Knisja Kattolika

Il-Ħadd, il-Knisja Kattolika fakkret l-akbar Festa tagħha … l-Għid il-Kbir, meta Sidna Ġesù Kristu għeleb il-mewt u qam rebbieħ. Il-Knisja temmen li kieku dan ma seħħx, it-tagħlim tagħha kien ikun kollu fieragħ għax kienet tkun il-mewt li tkun rebħet.

Iżda dan ma seħħx għax kif wiegħed, Ġesù qam rebbieħ wara li fuq is-Salib, kien ħafer lil dawk li tradewh, sawwtuh u eventwalment qatluh. B’dan it-twemmin, sa mis-Sibt filgħaxija, il-Knisja Kattolika bidlet id-dehra tagħha għal waħda ta’ Festa, fil-bidu ta’ perjodu twil 50 jum, li jwassal sa Għid il-Ħamsin.

Għal din il-Festa, l-Ħadd filgħodu nżammet it-tradizzjoni tal-purċissjoni bl-istatwi ta’ Kristu Rxoxt, fejn minn diversi Knejjes toħroġ ix-xbieha ta’ Ġesù rebbieħ fuq il-mewt. Din il-purċissjoni tiġbed magħha t-tradizzjoni tal-ġirja, li tintlaqa’ sew ma’ dawk li jkunu qed isegwuha – kemm adulti, kif ukoll tfal, kemm Maltin, kif ukoll barranin.

Ma’ din il-purċissjoni hemm ukoll it-tradizzjoni li t-tfal imorru bil-figolli u l-bajd tagħhom ħdejn il-Knisja biex jiġu mbierka.

U mat-toroq tal-irħula u l-ibliet, Kristu Rxoxt ikun akkumpanjat minn marċi brijużi u ċapċip, filwaqt li l-konfetti kkuluriti mitfugħa mill-gallariji tan-nies ikomplu jsebbħu l-atmosfera.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli u diversi Kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, żaru l-purċissjonijiet ta’ Ħal Qormi – kemm dik ta’ San Ġorġ, kif ukoll dik ta’ San Bastjan.

Hu ħa l-okkażjoni biex jiltaqa’ u jwassal l-awguri tiegħu lil dawk preżenti.

Anke waqt l-intervista fuq NET FM, hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li fl-aħħar jiem iltaqa’ ma’ ħafna minn dawk li huma dilettatanti ta’ dawn il-Festi, kif ukoll kemm ħa gost jammira x-xogħolijiet li jsiru b’tant imħabba u passjoni.

Adrian Delia qal li dawn huma parti mill-identità Maltija u li bis-saħħa ta’ hekk, din l-identità għadha ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-Għid il-Kbir jgħallimna li hemm it-tama anke għal dawk li qed ibatu f’ħajjithom u li verament ħadd m’għandu jaqta qalbu.

Sadanittant, wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ħadd, il-Knisja Kattolika tkompli xxerred dan il-ferħ fid-djar tagħna waqt il-perjodu tat-Tberik.

Matulu, is-Saċerdoti jżuru d-djar biex iwasslu l-barka ta’ Ġesù rebbieħ fost il-familji tagħna.