F’diversi kampi diplomatiċi fil-jiem li għaddew kien hemm tħassib serju dwar il-politika barranija li qiegħed jadatta l-Gvern Malti ta’ Joseph Muscat.
Dawn id-dubji ta’ riga differenti skont il-pajjiż min ikun, tqanqlu fid-dawl tal-fatt li fil-jiem li għaddew il-Gvern Malti ma tax permess lill-militar Russu biex jagħmel titjiriet bejn is-Sirja u l-Veneżwela u juża l-ispazju tal-ajru Malti, iżda mbagħad qiegħed jibqa’ sieket dwar titjiriet tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Malti mill-militar Amerikan, mill-militar Ingliż, mill-militar Franċiż u anki mill-militar Taljan.
Stat ta’ fatt hu dak li Malta, minkejja ċ-ċokon tagħha, tgawdi spazju tal-ajru enormi li jitħares mit-Torri tal-Kontroll. Pajjiżna ma għandux militar kapaċi li jista’ jgħasses dan l-ispazju tal-ajru. Jiġifieri dak li qed jiġri hu li militar ta’ pajjiżi bħall-Amerikan, l-Ingilterra, Franza, l-Italja u oħrajn li jafu li aħna żgħar u limitati, probabbilment qed jużaw dan l-ispazju tal-ajru gratis et amoris, iżda mbagħad pajjiż bħar-Russja li jitlob il-permess minn qabel, ikollu tali permess miċħud mill-awtoritajiet Maltin.
Dan hu xenarju, fil-politika barranija ta’ pajjiżna, perikoluż għall-aħħar għaliex jista’ joħloq preċedent. mistoqsija minn diplomatiċi qed tkun għaliex il-Gvern Malti qed jgħid, direttament jew indirettament, iva lill-militar Amerikan u l-bella compania ta’ pajjiżi alleati, iżda mbagħad qed jgħid le għar-Russja?
Fil-jiem li għaddew din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ sors fid-diplomazija li qalilna li Malta hi pajjiż żgħir li trid tiekol minn kulħadd u passi li fil-għajn jidhru diskriminatorji, jistgħu jwasslu għal konsegwenzi xejn mistennija.
Is-sors ta’ il-mument spjegalna li fir-rigward ta’ dak li ġara fir-rigward ta’ titjiriet mill-militar Russu, diġà kien hemm aċċenn minn aġenziji internazzjonali u dawn ma kenux miċħuda.
Ingħad f’rapporti f’aġenziji internazzjonali li l-Gvern ta’ Moska hu ffastidjat mal-Gvern Malti wara li talbiet biex isiru titjiriet fl-ispazju tal-ajru Malti minn ajruplani militari Russi bejn is-Sirja u l-Veneżwela, ma kenux milqugħa. Il-Gvern Malti jidher li hu konxju mid-danni ta’ tali deċiżjoni u għalhekk fil-jiem li għaddew bagħat lill-eks Ministru Alex Sciberras Trigona f’Moska biex jipprova jtaffi dawn id-danni.
Id-Diplomatiku li tkellem ma’ il-mument kompla li f’tali sitwazzjoni l-Gvern Malti ma jistax la jilgħab b’pajjiżi u wisq inqas jilgħab man-nar. “Bix-xenarju attwali kif inhu u mhux spjegat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti, bir-raġun kollu li l-Gvern ta’ Moska hu ffastidjat li filwaqt li qawwiet tal-ajru oħrajn qed jużaw dan l-ispazju tal-ajru għall-vantaġġ tagħhom, iżda ajruplani Russi ma tħallewx jagħmlu dan, anki jekk ir-raġuni uffiċjali mogħtija lill-Gvern Malti fit-talba li saret kienet waħda umanitarja.”
L-istess Diplomatiku kompla jispjegalna li aġenzija internazzjonali partikulari kienet rapporata tgħid li fl-isfond ta’ dan ix-xenarju diskriminatorju fil-konfront tal-ajruplani militari Russi, mhux eskluż li l-Gvern ta’ Moska jkun maqrus. Dan wara li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti rrifjuta talba uffiċjali mill-Ambaxxata Russa biex ajruplani militari Russi jużaw l-ispazju tal-ajru Malti.
Ta’ min jgħid li t-talba li saret minn Moska kellha l-iskop li ajruplani militari Russi jużaw l-ispazju tal-ajru Malti waqt titjiret bejn is-Sirja u l-Veneżwela.
Tajjeb li jingħad ukoll li diġà fil-ġimgħat li għaddew ajruplani militari Russi dehru fl-ajruport internazzjonali Caracas fil-Veneżwela li bħalissa għaddejja minn mumenti ta’ tensjoni fejn iżda l-Gvern tal-President Nicolas Maduro għandu l-appoġġ ta’ Moska kontra l-appoġġ li l-Istati Uniti qed tagħti lill-Oppożizzjoni.
//= $special ?>