Lokali

Il-PN jikkundanna l-abbandun f’Monte Carmeli

Mill-Arkivji

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-abbandun totali fil-qasam tas-saħħa mentali. Hija tal-mistħija li l-Gvern Soċjalista għandu flus għall-koruzzjoni u għal tal-qalba imma m’għandux flus għall-pazjenti vulnerabbli li jbatu bil-problemi tas-saħħa mentali.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mid-deputat Mario Galea, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, d-Dementia u l-Kura fil-komunità. L-istqarrija tgħid li l-Gvern Soċjalista uża s-settur tas-saħħa mentali biex jagħti karigi lill-kandidati tiegħu imma ma sabx flus biex jirranġa s-soqfa tal-isptar Monte Carmeli, li għandhom bżonn il-manutenzjoni kontinwa. Barra minn hekk, il-Gvern Soċjalista naqas li jifrex is-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunita’.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Partit Nazzjonalista hu l-vuċi tal-pazjenti bi problemi tas-saħħa mentali li l-Gvern Soċjalista abbandunahom, warrabhom u nesihom għax bla vuċi. Fl-aħħarnett il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-pazjenti kif ukoll l-istaff tal-isptar Monte Carmeli li jistħoqqilhom kundizzjonijiet u ambjent sigur u  diċenti.