Qorti

Jinżamm arrestat wara li pprova jweġġa’ pulizija

Justin James Grima ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li pprova jikkaġuna ġriehi gravi lil żewġ uffiċjali tal-Pulizija.

Huwa kien akkużat bi 12-il akkuża fosthom li pprova jidrob żewġ uffiċjali tal-Pulizija wara li saq il-karozza fuqhom.  Kien akkużat ukoll li għamel ħsara fuq vettura tal-Pulizija, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Il-każ seħħ is-Sibt fi Triq il-Kbira San Gużepp, fil-Ħamrun għall-ħabta tat-3 ta’ wara nofs in-nhar.

Il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-Ispettur Pierre Guido Saliba li qal li waqt patrol hu innota vettura bil-ħġieġ kollu tinted u x-xufier ma kienx jidher. Hu talab lix-xufier biex iniżżel it-tieqa u jsegwih sal-garaxx tal-Pulizija. Spjega li min-naħa tiegħu l-akkużat sfida l-ordni tal-pulizija, ħarab u twaqqaf mill-pulizija aktar tard.

Kien f’dan il-ħin li l-akkużat ħataf b’id waħda lis-surġent, għafsu mal-karozza u bl-id l-oħra beda jsuq. L-Ispettur kompla jgħid li l-akkużat qalilhom li kuġinuh diġa’ tajjar pulizija, u allura hu ma kien se jiddejjaq xejn itajjar tnejn.

Iż-żagħżugħ kien arrestat u fid-Depot qajjem kommossjoni sħiħa. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, talba li għaliha l-prosekuzzjoni oġġezzjonat.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Simone Grech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Id-difiża tmexxiet mill-avukati Dr Franco Debono u Dr Amadeus Cachia.