Lokali

“L-irduppjar tal-kera u spejjeż oħrajn iġegħluni nagħmel dak li qatt ma ħlomt’’

Omm ta' tliet ulied li tgħix bil-pensjoni u li għandha diffikultajiet serji biex tkompli trabbi l-familja

“Sa ftit ilu ma kien jonqosni litteralment xejn. La jien u lanqas it-tliet uliedi li kont nagħtihom tagħlim fi skola tal-Gvern, u dejjem kienu minn ta’ quddiem.’’

“Iżda meta s-sid tal-post fejn ngħixu għollieli l-kera, ħajjitna nbidlet min-nhar għal-lejl. Qabel dejjem konna nġaħġħuha b’xi mod u anki nhar ta’ Sibt kont nipprova noħroġhom u nieħdu burger jew pizza flimkien.’’

“Issa ħajjitna nqalbet ta’ taħt fuq. Minn kera ta’ €450, spiċċajt inħallas €900. L-uniku alternattiva tas-sid hi li jekk ma tistax tħallas, toqgħodx tinkwieta… oħroġ u sib post xi mkien ieħor. Għalxejn bkejt quddiemu u tkarrabtlu… ma kellu ebda ħniena minni u minn uliedi. Dan kollu wassalni biex illum nagħmel affarijiet li qatt ma bsart li se nasal nagħmel f’ħajti. Imma għal uliedu kulħadd jagħmel l-aqwa li jista’ biex ikunu bħal tfal oħrajn.”

Din id-dikjarazzjoni għamlitha magħna omm ta’ tlett itfal żgħar – 13-il sena, għaxar snin u sitt snin. Din l-omm ilha separata minn żewġha għal dawn l-aħħar erba’ snin u żewġha ma jagħtiha ebda tip ta’ għajnuna jew manteniment. L-omm tippreferi li toqgħod lil hinn minnu għaliex hekk taf li qed tgħix fil-paċi u bla swat, xorb, dagħa u vjolenza domestika.

“Imma wara li telaq mid-dar, b’xi mod issetiljajna. Kelli l-pensjoni tal-mard u b’xi mod dejjem għaddejna u t-tfal ma kien jonqoshom xejn. Skola, duttrina, knisja… dejjem ħabrikthom biex jagħmlu l-parti tagħhom u b’xi mod dejjem ġaħġaħnieha.”

Mistoqsija kif ma rrikorrietx għall-Qorti dwar il-kwistjoni tal-vjolenza domestika, din l-omm, bid-dmugħ f’għajnejha, qaltilna li “bil-Qorti ma tasal imkien. Mhux biss meta tidħol taf u meta toħroġ ma tafx, iżda l-ispejjeż huma kbar. Għalhekk, għall-ġid ta’ wliedi, ħassejt li għandi nġorr dan is-salib waħdi. U ngħidlek il-verità, apparti li dejjem kont bil-għaqal u l-pensjoni dejjem b’xi mod servietni, meta kont niġi dahri mal-ħajt – fil-Milied minħabba r-rigali, f’Settembru minħabba fl-iskola u f’xi xhur oħrajn – ma kontx noqgħod lura milli mmur naqla’ xi ħaġa tal-flus billi nagħmel xogħol ta’ tindif fid-djar tan-nies.”

Hi kompliet li “issa, minn ftit taż-żmien lil hawn, ħajjitna nqalbet ta’ taħt fuq għaliex is-sid tal-post talabni żieda qawwija fil-kera. Minn €450 fix-xahar, ried €900. Spjegajtlu fuq li spjegajtlu, iżda hu qalli li jekk kelli problema, allura kelli noħroġ minn dan il-post u nfittex post ieħor.’’

“Tefagħna ġo baħar ta’ inkwiet u ma ried jaf b’xejn. Aħna, minn familja trankwilla, spiċċajna ngħixu f’infern kbir. Għebet il-paċi u s-serenità u spiċċajna nitkellmu biss dwar kif se jkollna flus biżżejjed biex inħallu l-kera fl-aħħar tax-xahar,” kompliet tispjega din l-omm.

Hawnhekk qaltilna li bid-dħul tagħha qatt ma setgħet tilħaq din is-somma ta’ €900 fix-xahar u “għalhekk issa qed nagħmel bħal ħaddieħor… ġejt kostretta nagħmel dak li qatt ma għaddieli minn moħħi li nagħmel. U nserraħ rasi biss meta nkun naf li għandi l-flus kollha miġbura.”

Hi kompliet tgħidilna li dan ix-xogħol (tal-prostituzzjoni) tagħmlu meta t-tfal ikunu l-iskola jew inkella filgħaxijiet billi tmur għand ħabiba tagħha li ilha f’dan ix-xogħol. “Aħna ġieli nagħtu x-xogħol lil xulxin biex ma nitilfux klijenti. Ġieli l-ħabiba tiegħi ma tkunx tista’ sservi hi u għalhekk tgħaddili l-klijenti tagħha lili u jien l-istess ħaġa. L-istorja tal-ħabiba tiegħi hi simili ħafna għal dik tiegħi.”

Din l-omm qaltli li qatt ma basret li se tispiċċa f’din is-sitwazzjoni. “Fil-bidu kont bkejt ħafna għaliex ħadtha bi kbira ħafna li kont se nispiċċa nagħmel dan ix-xogħol. Illum drajt u rabbejt qoxra u tgħallimt ħafna.”

Mistoqsija dwar jekk it-tfal jafux b’dak li qed tagħmel, din l-omm stqarret magħna li hi qatt ma tkellmet magħhom dwar dak li qed tagħmel. “Iżda jekk xi ħadd minnhom, għaliex il-kbir issa beda jifhem sew, jistaqsini, it-tweġiba tiegħi hi li dan kollu qed nagħmlu għalihom biex jgħixu ħajja komda.’’

“Taħsibx li jien kuntenta li qed nagħmel dawn l-affarijiet u nista’ ngħidlek ukoll li s-suq hu kbir ħafna. Xi drabi lanqas illaħħaq, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa filgħaxijiet. Imma jekk ma nagħmilx hekk minn fejn se nġib il-flus tal-kera?”

Mistoqsija jekk tistax issib xogħol normali biex tkun tista’ tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja li għandha, hi qalet li x-xogħol tat-tindif fid-djar tan-nies ma jiggarantilhiex dħul regolari u fiss. “Daqqa jgħidulek ejja u daqqa jgħidulek issa nċempillek. Jien irrid li jkolli rasi mistrieħa li meta fl-aħħar tax-xahar tingħalaq il-kera, allura f’idi jkolli lesti l-flus kollha.”

Mistoqsija jekk tistax tibqa’ tgħix kif qed tgħix bħalissa, din l-omm qaltilna li hi qatt ma basret li se tispiċċa tgħix hekk. “Kulħadd jiftaħar kemm hawn ġid u kemm hawn xogħol u kemm hawn barranin. Jien taf x’naf ingħid li ġabuni dahri mal-ħajt.’’

“Jien spiċċajt nagħmel dan ix-xogħol kontra qalbi għaliex min jaf kemm-il darba mort norqod b’magg te u toast bil-butir. Kemm se ddum torqod b’xejn? Kemm se ddum iċċaħħad lil uliedek minn affarijiet bażiċi?”