Lokali

Malta għal darb’oħra taħt skrutinju

Għal darb’oħra, Malta se tkun taħt l-iskrutinju tal-Kunsill tal-Ewropa biex ikun stabbilit jekk pajjiżna hux qed jonora l-obbligi demokratiċi li għandu bħala membru ta’ dan il-Kunsill. Il-gazzetta The Sunday Times of Malta rrappurtat li Malta ntagħżlet speċifikament biex isirilha dan l-iskrutinju. Ma’ pajjiżna, se tkun analizzata ukoll is-sitwazzjoni fir-Rumanija u fl-Ungerija., żewġ pajjiżi oħra li fallew fl-implimentazzjoni tas-Saltna tad-Dritt.

L-iskrutinju li se jsir dwar Malta hu proċedura li ssir ta’ spiss mill-Kunsill tal-Ewropa. Madankollu, f’sitwazzjonijiet oħra, is-47 pajjiż membru, kien isirilhom dan l-iskrutinju b’ordni alfabetika, kulħadd wara min imissu skont l-alfabett. Iżda fil-kas ta’ Malta, tal-Ungerija u tar-Rumanija, dawn intgħażlu b’mod speċifiku. Fil-fatt, se jkun studjat kif dawn il-pajjiżi qed jimplimentaw is-Saltna tad-Dritt, kif qed ikunu mħarsa d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija.

Din l-aħbar issegwi rapporti oħra li ħarġu fl-aħħar ġimgħat u li jkomplu jitfgħu dell ikrah fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Ir-rapport Greco kellu kritika ħarxa kontra s-sistema ġudizjarja ta’ pajjiżna. Qabel, kienet il-Kummissjoni Venezja li tkellmet dwar il-falliment tas-Saltna tad-Dritt. U anke l-Kumitat Kontra l-Ħasil tal-Flus, fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, qed janalizza s-sitwazzjoni f’Malta u mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li pajjiżna falla l-ewwel testijiet.

Anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-libertà tal-istampa, Malta ħadet daqqa ‘l isfel. F’sena waħda biss, pajjiżna niżel 12-il post fl-Indiċi li juri kemm pajjiż għandu libertà tal-istampa. Dawn ir-rapporti, wieħed wara l-ieħor, qed ikomplu jitfgħu dell ikrah fuq pajjiżna, b’konsegwenzi li jistgħu jkunu fatali għar-reputazzjoni ta’ Malta.