Internazzjonali

Nibnu pontijiet u mhux ħitan: il-messaġġ Urbi et Orbi tal-Papa Franġisku

Folla kbira bħal kull sena imliet Pjazza San Pietru f’Ruma fl-okkażjoni tal-ikbar festa tal-Insara, l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Din is-sena l-Għid il-Kbir sfortunatament kien imtappan bl-aħbarijiet li waslu mis-Sri Lanka. Il-Papa Franġisku tkellem dwar dan u esprima s-solidarjeta’ tiegħu lejn dan il-poplu milqut mit-terroriżmu.

Fil-messaġġ tiegħu Urbi et Orbi, l-Papa Franġisku qal li Kristu Rxoxt huwa simbolu ta’ dawl u ta’ qlub miftuħa għall-għajnuna. It-tifkira tal-Għid għandha tgħinna nirriflettu dwar kif nibnu pontijiet bejnietna u mhux ħitan. Il-Papa irrefera b’mod partikolari għal żoni ta’ kunflitt madwar id-dinja u appella biex kulħadd, mexxejja u ċittadini jaħdmu għall-paċi, l-ġustizzja, l-liberta’ u l-ġid komuni.

Hu tkellem b’mod partikolari dwar is-Sirja, l-Lvant Nofsani, is-Sudan u anke l-Ukrajna fejn appella għat-talb ħalli verament id-dawl ta’ Kristu Rxoxt jasal ukoll fejn bħalissa qed jirrenja d-dlam. Il-Papa Franġisku kellu ukoll messaġġ speċifiku għaż-żgħażagħ: Kristu jgħix u jrid lil kulħadd jgħix. Kristu huwa t-tama u huwa Kristu biss li jagħti tama f’mumenti ta’ dlam.