Lokali

Parteċipanti tal-programm LEAD jgħidu li “Miriam daħqet bina”

Parteċipanti fil-programm LEAD organizzat mill-Partit Laburista bl-iskuża li jħajjar aktar nisa jidħlu fid-dinja tal-politika, reġgħu tkellmu ma’ il-mument u qalulna li issa li għaddew sentejn minn meta beda dan il-programm, jistgħu jikkonfermaw li Miriam Dalli daħqet bina. Ikkonfermaw ukoll dak li kienu qalulna numru ta’ xhur ilu, fis-sens li l-programm LEAD hu biss “daħqa fil-wiċċ u nsult għan-nisa”.

Taħt kunfidenzjalità assoluta, dawk li tkellmu ma’ il-mument qalulna li llum li għaddew bosta xhur minn meta tnieda dan il-programm, jistgħu jikkonfermaw li l-veru intenzjoni ta’ tali programm hu biss biex ikun “palk għall-Ewro Parlamentari Miriam Dalli u xejn aktar. Fil-bidu nett meta xi ħadd kien ħareġ b’din is-suppożizzjoni aħna konna merejniha, iżda llum nistgħu nistqarru aħna wkoll li jekk dakinhar ma emminniex, illum nistgħu ngħidu li iva veru LEAD hu biss biex jimbotta l-aġenda favur Miriam Dalli.”

Dawk li tkellmu ma’ il-mument qalulna li huma ma jistgħux juru isimhom għal raġunijiet ovvji għaliex kemm-il darba xi ħadd jintebaħ min huma, allura ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.

Huma komplew li oriġinarjament kienu qalulhom li l-iskop ta’ LEAD kien biex ikun hemm aktar kandidati nisa involuti fil-politika u biex il-Partit Laburista jippreżenta aktar nisa għall-elezzjonijiet. “Hu għalhekk li ħafna tħajru jissieħbu f’dan il-proġett, iżda din hi biss daħqa fil-wiċċ għan-nisa kollha li emminna f’dan il-programm għaliex LEAD għandu skopijiet oħrajn.”

In-nisa li tkellmu ma’ il-mument komplew li: LEAD ma hu xejn ħlief palk għal Miriam Dalli. Xejn aktar. Aħna ma emminniex meta fil-bidu kien hemm min qal hekk. Iżda llum nafu l-verità kollha x’inhi.”

Huma żiedu li: “l-Partit Laburista ma jimpurtah xejn min-nisa fil-politika. Jimpurtahom biss li jmexxu ’l quddiem l-interessi ta’ Miriam Dalli li allegatament twiegħed xogħol u vaganzi fi Brussell.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument komplew li: “Il-verità kollha toħroġ billi wieħed jistaqsi kemm bdew il-programm LEAD u issa kemm minn dawn il-parteċipanti se joħorġu għal xi elezzjoni. Kemm minn dawn il-parteċipanti ntgħażlu biex ikunu kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew?”

Huma żiedu li: “Dawn huma l-ewwel elezzjonijiet fejn LEAD seta’ juri l-effett tiegħu wara sentejn li beda. Lanqas mara waħda għax meta kien hemm min tħajjar jikkontesta għall-Elezzjoi tal-Parlament Ewropew, ħassrulhom u qalulhom li aħjar jibdew mill-Kunsilli Lokali.

“Dan meta qatt ma kien hemm nuqqas ta’ nisa għal dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Imma l-verità hi li min tħajjar u kellu l-ambizzjoni li jipprova jikkontesta l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew sabu lil min jiskoraġġihom u jfarrakhom… dak hu LEAD.”

Min tkellem ma’ il-mument kompla jiżvela magħna li “Miriam Dalli ma trid kompetizzjoni mingħand ħadd. Trid biss li kull nitfa’ fokus tkun fuqha u fuqha biss. Trid biss li tilgħabha tal-paladina li taparsi trid lin-nisa fil-politika, iżda fil-verità trid biss il-voti tagħna u xejn aktar. Trid biss li aħna niffukaw billi naħdmu għaliha u xejn iżjed. Aħna li ngdimna, u minn dan kollu nixtiequ biss li l-verità toħroġ u toħroġ kollha.”

Is-sorsi ta’ il-mument fil-programm LEAD komplew li: “Is-suċċess ta’ LEAD kien ikun biss kieku l-kandidati nisa fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew kienu jiżdiedu grazzi għal dan il-programm. Dak kien l-iskop oriġinali li kien ingħadilna sentejn ilu. Kienu rnexxielhom ibellgħulna dan.

“Imma llum aħna migdumin nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li LEAD falla għaliex Miriam Dalli riedet li tibqa’ hi r-reġina u aħna nkunu biss il-messaġġiera jew il-pupazzi tagħha billi tmexxina hi bl-ispaga skont il-ħtiġiet li jkollha.”

Dawk li tkellmu ma’ il-mument temmew li huma ddispjaċuti li kienu trattati b’dan il-mod mill-Partit Laburista li jaf jistaħba ġo ħafna tgeżwir sabiħ u kollu tlellix, iżda fil-verità taħt il-qoxra tiegħu hemm realtà ferm differenti.”