QORMI………………… 1 BIRKIRKARA……………. 0
Qormi: D. Cassar, R. Romao, L. Santana, D. Mansi, A. Abela (A. Cassar 74’), M. Borg (M. Micallef 63’), Y. Yankam, J. Mboyo, A. Rozzi, W. De Oliveira (N. Ghio 88’), M. Bangoura
Birkirkara: K. Naumovski, C. Attard, N. Vukanac, E. Ferreira, C. Failla, T. Agius (P. Mbong 85’), M. Andelkovic (M. De Siqueira 65’), J. Bezzina, M. Vella, J. Da Silva Pereira, M. Mifsud
Imwissija: J. Bezzina 45’, C. Attard 84’, E. Ferreira 80’ (B), L. Santana 47’, D. Mansi 63’, A. Abela 73’, R. Romao 94’ (Q)
Skorja: A. Rozzi 80’ (Q)
Referee: Emanuel Grech
Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Thomas Debono
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Wellington De Oliveira (Qormi)
Attendenza: 273
Gowl ta’ Antonio Rozzi għaxar minuti mit-tmiem ħalla lil Qormi jittamaw li jistgħu jevitaw ir-relegazzjoni diretta. Ir-rebħa kontra Birkirkara kienet it-tieni waħda konsekuttiva u biha baqgħu żewġ punti taħt St. Andrews li rebħu kontra Floriana.
Birkirkara għal darba oħra reġgħu ddiżappuntaw hekk kif jidher li l-problema mhux il-kowċ. F’din il-logħba għamel id-debutt John Buttigieg li għandu biċċa xogħol diffiċli biex jirranġa l-iskwadra, hekk kif hi biss ir-rebħ tal-FA Trophy li twassal lill-Istripes sal-Europa League.
Qormi ma kinux inferjuri għal Birkirkara fl-ewwel taqsima. Huma kienu dixxiplinati tattikament u l-gowlkiper David Cassar rari kien fl-azzjoni. Birkirkara naqsu li jimponu l-logħba tagħhom b’Michael Mifsud u Jorge Da Silva Pereira ftit jirċievu blalen perikolużi fil-kaxxa avversarja.
Birkirkara ttantaw xortihom biss f’żewġ okkażjonijiet mid-distanza. Fit-13-il minuta prova Maurizio Vella u fid-29 minuta kien Johann Bezzina li ttanta xortih iżda ż-żewġ tentattivi tagħhom għaddew ferm għoli.
Fl-aħħar kwarta tat-taqsima, Qormi bdew javvanzaw aktar bil-ballun għalkemm huma wkoll ma kinux ta’ periklu serju għal Kristijan Naumovski. Fid-39 minuta Qormi kellhom daqqa ta’ ras ta’ Davide Mansi li kienet salvata mingħajr diffikultà mill-gowlkiper Karkariż, biex tliet minuti wara, Wellington De Oliveira għamel ħarba tajba fuq ix-xellug iżda l-kross finali kien żbaljat.
Birkirkara kważi fetħu l-iskor fit-48 minuta bi free-kick li ta l-illużjoni tal-gowl iżda spiċċa barra. L-urġenza fit-tim ta’ Qormi bdiet tiżdied, konxji mir-rebħa ta’ St. Andrews ftit qabel, u bdew ikunu ftit aktar avventurużi, tant li fis-57 minuta Jordy Mboyo ttanta xortih b’xutt b’saħħtu li iżda kien ċentrali u Naumovski blokka tajjeb.
Qormi marru ferm viċin fis-66 minuta b’azzjoni ta’ Wellington De Oliveira li mix-xellug qata’ għan-nofs u b’xutt minn barra l-kaxxa ra l-ballun jgħaddi ċentimetri bogħod mil-lasta. Birkirkara wieġbu erba’ minuti wara b’xutt b’saħħtu ta’ Bezzina minn barra l-kaxxa iżda r-risposta ta’ Cassar kienet mill-aqwa u tar minn tulu biex salva.
Qormi marru fil-vantaġġ fit-80 minuta meta f’azzjoni persistenti, Malela Bangoura niżżel b’sidru fil-kaxxa lejn ANTONIO ROZZI li b’xutt fil-baxx għadda l-ballun taħt saqajn Naumovski. L-unika reazzjoni ta’ Birkirkara waslet fil-95 minuta bi free-kick minn qagħda perikoluża ta’ Clayton Failla, iżda David Cassar salva f’darbtejn.
//= $special ?>