Atalanta kisbu tliet punti fondamentali fit-taqtigħa li jiksbu post fl-Ewropa meta dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Napoli 2-1 fi Stadio San Paolo. B’dawn it-tliet punti, Atalanta laħqu lil Milan fir-raba’ post filwaqt li Napoli baqgħu komdi fit-tieni post.
Napoli li fetħu l-iskor wara 28 minuta bi kross mil-lemin ta’ Kevin Malcuit lejn DRIES MERTENS li mill-viċin għeleb lil Pierluigi Gollini. Fit-48 minuta xutt minn fuq in-naħa xellugija ta’ Arkadiusz Milik ġie mdawwar f’korner minn Gollini. Atalanta marru qrib id-draw fl-54 minuta b’xutt djagonali fil-baxx ta’ Hans Hateboer li għadda ftit barra. Mertens falla ċans tajjeb li jirdoppja fis-67 minuta b’xutt li ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Żewġ minuti wara Atalanta ġabu d-draw bi kross fil-baxx mil-lemin ta’ Hateboer lejn DUVAN ZAPATA li b’konklużjoni mill-kaxxa ż-żgħira għeleb lil David Ospina. Atalanta skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-80 minuta meta Zapata b’intelliġenza qassam lura bit-takkuna lejn MARIO PASALIC li b’xutt fil-baxx li kien imxellef ftit minn Malcuit spiċċa fix-xibka.
//= $special ?>