Lokali

Flimkien għal pajjiżna biex intejbu l-livell tal-għajxien tal-familji Maltin

“Flimkien għal pajjiżna biex intejbu l-livell tal-għajxien tal-familji Maltin quddiem Gvern Soċjalista li ma jimpurtahx.” hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt it-tnedija tal-kampanja elettorali tal-PN u l-preżentazzjoni tal-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali fid-Dar Ċentrali.

Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista ma jimpurtahx li l-familji Maltin u Għawdxin qegħdin iħallsu €725 miljun fis-sena għall-korruzzjoni. Huwa qal li dan huwa Gvern li ma jimpurtahx mill-middle class li mhux qed ilaħħqu aktar maż-żidiet qawwija fl-għoli tal-ħajja u ma jimpurtahx mill-anzjani li l-pensjoni ma sservihomx.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li matul il-kampanja elettorali, l-PN se jitkellem fuq dak li għaddejjin minnu n-nies u għalhekk intgħażlet it-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna’ biex flimkien ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba’ negħlbu l-isfidi li ġab il-Gvern Soċjalista bil-korruzzjoni, bit-theddida għad-demokrazija u l-mudell ekonomiku tat-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan li qed iġib bosta diffikultajiet ġodda.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-messaġġ tal-PN huwa wieħed ċar. Se nkunu qed naħdmu flimkien biex noħolqu l-ġid għal kulħadd filwaqt li ma nkomplux nitilfu lil pajjiżna, l-ambjent, il-karattru u l-valuri tiegħu. Huwa qal li l-kandidati tal-PN se jaħdmu għal Malta u għal-lokalitajiet tagħhom. Clyde Puli qal li fil-ġimgħat li gejjin il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u programmi elettorali għal 68 lokalità.

Huwa qal li l-Ħadd li ġej 28 ta’ April, il-PN se jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali fejn se jitressaq il-programm elettorali għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju. Dan il-Kunsill Ġenerali se jkun indirizzat ukoll miċ-Chairman tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Manfred Weber. Fl-1 ta’ Mejju, l-Partit Nazzjonalista se jorganizza maratona ġbir ta’ fondi.