Futbol Sport

Hibernians jirbħu u jħallu l-kampjonat sal-aħħar ġurnata

(Ritratt: Domenic Aquilina)

SENGLEA A……………… 0 HIBERNIANS……………. 2

Senglea: M. Farrugia, T. Marukawa, S. El Mehdi, Z. Cassar (M. Bartolo 84’), L. Grech, J. Leyton, R. Silva Santos, D. Venancio, G. Virano, M. Garcia, C. Sammut (G. Camilleri 72’)

Hibernians: M. Jovicic, T. Tabone Desira, N. Radojevic, M. Barosa Da Silveira, J. Mbong (C. Zammit 90+2’), J. Grech, I. Ntow, T. Marcolino D. Xuereb 90’), M. Sahanek (D. Vella 83’), A. Agius, T. Fonseca

Imwissija: J. Leyton 26’, G. Virano 67’ (S) N. Radojevic 55’, I. Ntow 65’, A. Agius 70’ (H)

Skorjaw: T. Marcolino 30’, J. Grech 44’ (H)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Jake Grech (Hibernians)

Attendenza: 1,033

Rapport: Keane Cutajar

F’logħba mill-isbaħ b’attakk veloċi wara l-ieħor, Hibernians ħadu tliet punti li bihom issa il-Kampjonat Premier se jkollu jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata hekk kif tal-Pagun, apparti li jridu rebħa, jiddependu fuq il-logħba ta’ Valletta u jisperaw li Ħamrun jiksbu rebħa għaliex b’hekk biss jistgħu matematikament jirbħu l-kampjonat.

Fuq in-naħa l-oħra Senglea jibqgħu f’riskju li jispiċċaw fil-pożizzjoni tal-play-off però dan jiddependi wkoll mir-riżultat ta’ St. Andrews fl-aħħar logħba. Interessanti l-fatt li għal din il-logħba fl-istadium kien hemm ammont sostanzjali ta’ partitarji ta’ Valletta li ġew isegwu mill-qrib dak li għalihom kien ċans li jirbħu l-kampjonat kieku Hibernians waqqgħu l-punti.

L-ewwel azzjoni waslet wara 14-il minuta u kienu Senglea li resqu viċin meta Diego Venancio prova free-kick dirett minn pożizzjoni angolata barra l-kaxxa li tiegħu kellu jkun attent biex blokka Marko Jovicic. Fil-25 minuta Julian Leyton żamm l-iskor indaqs meta qala’ minn fuq il-linja x-xutt bit-takkuna ta’ Taylon Marcolino wara kross perfett mil-lemin ta’ Jake Grech, ballun li għeleb lil Matthew Farrugia iżda mhux lid-difensur tal-Isla li kien attent.

Hibernians fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob, meta azzjoni maħduma tajjeb b’diversi passaġġi qosra mill-ewwel ġabet lil TAYLON MARCOLINO waħdu quddiem Farrugia, bil-Brażiljan iżomm kalm u kif għamel bosta drabi tul l-istaġun b’faċilità xeħet fix-xibka.

Minuta u nofs minn tmiem l-ewwel taqsima, azzjoni personali ta’ JAKE GRECH spiċċat bil-ballun fl-angolu wara li b’mod tajjeb ħafna għamel spazju għalih innifsu barra l-kaxxa biex tefa’ lil sħabu tnejn minn fuq qabel ħin il-mistrieħ.

Appena fetħet it-tieni taqsima, Senglea ħarġu jfittxu li jnaqqsu d-distakk b’Romulo Silva Santos jittanta xortih minn barra l-kaxxa, xutt li ma ħoloq l-ebda problemi għal Jovicic li niżel fuq ix-xellug tiegħu jsalva.

Mas-siegħa logħob, kontrattakk mibdi minn Gonzalo Virano, li fih kien involut fuq il-ġirja Taisei Marukawa spiċċa bil-ballun għand Venancio li prova xutt solitu tiegħu li għalkemm b’saħħtu, kien ċentrali u faċli għall-gowlkiper ta’ Raħal Ġdid. Ftit wara, Venancio reġa’ kien protagonist b’korner mixħut bid-dawra fuq it-tieni lasta fuq ras Sidqy El Mehdi, li mill-viċin sab lil Jovicic attent li dawwar f’korner ieħor li minnu Venancio ma għamilx l-istess u tefa’ twil wisq.

Taisei Marakawa falla ċans tad-deheb meta kien għad fadal kwarta logħob hekk kif il-kross ta’ Leighton Grech ġabu waħdu, ċentimentri barra mil-lasta, iżda l-Ġappuniż naqas milli jimmira kif ried u xeħet barra. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, is-sostitut Dunstan Vella sab lil Farrugia attent.