Internazzjonali

Il-Libja: Il-mejtin fil-ġlied ta’ Tripli jaqbżu l-250 fost il-mijiet tal-midruba

Filwaqt li l-ġlied, fi Tripli, bejn il-qawwiet tal-Gvern u l-Armata tar-ribelli tal-Lvant ma jidhirx li qed ibatti, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, issa, ikkonfermat li l-mejtin mill-aħħar jiem ta’ battalji issa qabżu sew il-250 — b’mijiet ta’ nies oħra jisfaw midruba fil-kapitali Libjana u l-periferiji tagħha.

Il-WHO, fil-preżent, qed tmexxi skwadri mediċi li huma speċjalizzati għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza biex jgħinu l-isptarijiet (fil-qalba tal-konflitt) fil-ħidma ta’ fejda. Dan meta mistennija jiżdiedu ‘kontinwament’ il-vittmi mill-ġlied fi Tripli.

Għalissa, l-Armata Libjana tal-Lvant taħt it-tmexxija ta’ Khalifa Haftar qed tinsisti b’kampanja militari biex tieħu Tripli taħt idejha. Ir-ribelli huma determinati ‘li jeqirdu lill-militanti u t-terroristi fl-inħawi’, meta qed isibu reżistenza mit-truppi leali għall-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali mmexxi mill-Prim Ministru Fayez al-Sarraj. Dan il-Gvern qed isib l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u l-komunità internazzjonali.

Il-Libja, fil-preżent, għandha żewġ amministrazzjonijiet rivali – fejn minbarra l-Gvern ta’ Sarraj hemm ukoll il-Gvern fil-Lvant tal-Libja, li Haftar hu affiljat miegħu.

Intant, il-Fond tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (UNICEF) żvela li mal-1.5 miljun persuna, inklużi t-tfal, spiċċaw affettwati mill-offensiva tal-qawwiet ta’ Haftar fuq Tripli.

Dan meta, skont l-aħħar ċifri, il-battalji fi Tripli u z-zoni tal-madwar issarrfu f’tal-anqas 32,000 refuġjat li kienu kostretti jabbandunaw djarhom li jinsabu fiz-zoni tal-ġlied.

Ir-residenti fi Tripli, bħalissa, qed jiffaċċjaw numru ta’ problemi u diffikultajiet, fosthom qtugħ fil-provvisti tal-ilma u d-dawl u prezzijiet tal-ikel għoljin.

Filwaqt li l-Kumitat ta’ Tripli li jindirizza s-Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi qed iwaqqaf  ċentri għall-familji refuġjati, il-UNICEF, issa, ikkonferma li s-sospensjoni tal-iskejjel qalb iz-zoni tal-konflitt affettwat ’il fuq minn 120,000 tifel u tifla.