Id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil akkuża lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi li qed jimmanuvra biex jimblokka l-inkjesta dwar il-Panama Papers.
Il-Ministru Mizzi il-ġimgħa l-oħra ppreżenta rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fejn argumenta li d-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq kien qed jiġi mittiefes minħabba t-talba li għamel Simon Busuttil.
Il-Minstru qed jitlob li l-ebda deċiżjoni m’għandha tittieħed jekk għandhiex issir inkjesta sakemm l-argumenti dwar il-ksur tiegħu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jinstemgħu.
F’Marzu kienet saret talba ghal inkjesta minħabba dik li qed tissejjaħ bħala “paraliżi istituzzjonali” dwar l-iskandlu Panama Papers. Fir-risposta tiegħu għat-talba ta’ Konrad Mizzi biex jiġi pospost id-digriet, it-Tnejn Simon Busuttil qal fil-Qorti, li inkjesta mhija xejn ħlief proċess ta’ ġbir ta’ provi, mhux smiegħ jew proċess. “Ħadd mhuwa preġudikat permezz tal-ġbir tal-provi”, qal Busuttil.
E-mail li kienet “leaked” fil-Panama Papers sabet kif Konrad Mizzi, flimkien maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, kienu ppjanaw li jirċievu $2 miljuni f’depożiti fejn kienu qegħdin jużaw strutturi offshore sigrieti.
Id-deputat Nazzjonalista qal li t-talba ta’ Konrad Mizzi tammonta għal attentat minn uffiċjal għoli tal-Gvern biex jimblokka investigazzjoni u li ma jħalliex evidenza milli tiġi miġbura u skrutinizzata.Iż-żewġ rikorsi kienu ffirmati mill-Avukat Jason Azzopardi.
//= $special ?>