Lokali Saħħa

Il-Gvern jagħżel l-irħis għall-persuni bl-ADHD; mediċina anqas effettiva

Kriżi f'Monte Karmeli b'pazjenti evakwati

F’Jannar li għadda, il-Gvern, permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa, qabad u biddel il-medicina offruta għall-persuni bl-ADHD biex mar għall-orħos ghazla…li hi inferjuri għal dik offruta qabel, kontra kull parir tal-psikjatri Maltin.

Biex ibenġel din id-deċiżjoni, il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ġab skuża bir-regoli Ewropej tal-procurement ghaliex il-Gvern mar għall-mediċina orħos, il-Xenidate, minflok il-Concerta, li hija aktar effettiva mill-mediċina l-ġdida.

“Ir-regoli Ewropej jgħidu li sakemm l-affarijiet ikunu compliant, trid tieħu l-orħos u mhux l-ogħla għażla. U fil-fatt, meta jkun hemm mediċini li jkunu ġeneriċi, ġeneralment jinxtraw il-mediċini ġeneriċi għax ikunu orħos mill-mediċini tad-ditta.”

Wara diversi lmenti li rċieva d-Dipartiment tas-Saħħa kemm mill-psikjatri u anki l-pazjenti infushom, il-Viċi Prim Ministru qal li hemm possibbiltà li jerġgħu jmorru lura għall-mediċina ta’ qabel jekk rapport li ġie kkummissjonat jikkonferma dan.

“Jekk l-espert itina parir li għandna bżonn nerġgħu mmorru għall-Concerta, iridu nagħmlu każ mal-awtorità tagħna tal-procurement biex nagħmlu hekk.”

Din il-mediċina l-ġdida provduta, li l-psikjatri qegħdin jilmentaw li ftit għandha effett fuq il-pazjenti, qegħda tħarbat il-ħinijiet tal-irqad, u meta qegħdin jittantaw jirrikorru għall-mediċina li kienet offruta qabel mill-ispiżeriji, din ma tistax tinxtara għaliex m’għadiex tinġieb Malta.

Intant, il-Ministru Fearne prova jdur mal-lewża anke meta kien mistoqsi jekk iż-żamma tal-Isptar Monte Karmeli jippermettix li jilqa’ pazjenti fi ħdanu, iżda kkonferma l-kriżi li hemm fl-isptar….hekk kif spiċċaw jevakwaw il-pazjenti.

“Dawk il-partijiet tal-isptar li kien hemm problemi strutturali serji ġew evakwati, huma magħluqin kemm għall-istaff u għall-pazjenti.”

Uħud mill-pazjenti saħansitra spiċċaw f’binja lil hinn mill-isptar:

“Krejna binja barra Monte Karmeli u rilokajna pazjenti minn żewġt iswali.”

Chris Fearne kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt żjara fis-sit tal-Paola Health Hub, sit li qajla sar xogħol fih wara żjara simili li saret madwar sena u nofs ilu, bil-Ministru tas-Saħħa jerġa’ jgħid li l-proġett mistenni jieħu 3 snin u nofs oħra biex jitlesta… bħalma qal fl-aħħar żjara li kien għamel.