Atletika Sport

Mellieħa AC flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jorganizzaw b’suċċess il-Valletta Express 5K Challenge

(Ritratt: Carl Farrugia)

Is-Sibt madwar it-toroq tal-Belt Valletta, saret l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Express 5K Challenge, attivitá li kienet organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta flimkien mal-Mellieħa Athletics Club fuq inizjattiva tas-Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef.

Il-Mellieħa Athletics Club aċċettaw din l-opportunità b’entużjażmu li flimkien mal-Express Trailers organizzaw din l-attività. F’din l-ewwel edizzjoni ħadu sehem madwar 300 mitt parteċipant f’żewġ distanzi, b’dik prinċipali tkun il-ġirja ta’ ħames kilometri madwar il-Belt u fun run ta’ żewġ kilometri.

L-ewwel fit-tellieqa prinċipali daħal Bruce Bautista b’ħin ta’ 16:31, segwit minn Shaun Galea ta’ Pembroke Athleta. Fit-tielet post spiċċa John Meade ta’ Carraig AC. Neil Brimmer ta’ Żurrieq Wolves u Charlot Bartolo ta’ Mellieħa AC komplew l-ewwel ħamsa.

L-ewwel atleta femminili daħlet Angele Satariano ta’ AS Libertas b’ħin ta’ 19:53 li spiċċat fil-15-il post overall. It-tieni mill-atleti femminili daħlet Caroline Ciappara ta’ Starmax, segwitha minn Lorna Mifsud. Donatella Fenech tal-Ladies Running Club u Lesley Ann Vella ta’ Zurrieq Wolves komplew l-ewwel ħamsa.

Intant, Bobby O’Riordan, Michael Mullins u Luke Mullins daħlu fl-ewwel tliet postijiet tal-fun fun rispettivament, atleti li kollha ġejjin mill-Carraig AC. L-ewwel atleta femminili f’din il-fun run spiċċat Faye O’Riordan mill-istess klabb, segwitha minn Lilly O’Riordan u Kayleigh Abela mill-Malta Youth Triathlon Academy.

Il-preżentazzjoni tal-midalji u trofew lir-rebbieħa saret mis-Sindku tal-Belt Valletta Christian Micallef u l-Viċi Sindku Vince Fabri. Parti mill-miżata ta’ reġistrazzjoni ta’ din l-attività ser tmur għal Valletta FC Youth Nursery, preċiżament għal Kamra Medika f’din in-nursery, bil-Kunsill Lokali jirdoppja l-fondi tad-dħul bħala għajnuna.

Din l-attività se tibqa’ ssir kull sena u l-fondi miġbura ta’ kull sena, ser ikunu dejjem b’risq proġett sportiv għaż-żgħażagħ u tfal Beltin. Il-klabb ta’ Mellieħa AC irringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, bl-attività li jmiss tal-klabb se ssir fil-5 ta’ Mejju fil-Mellieħa.