Futbol Sport

Mifsud Triganza jagħti punt lil Pembroke kontra Mqabba

(Ritratt: Joseph Galea)
Jintlagħbu erba' logħbiet mill-25 ġurnata tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

PEMBROKE ATHLETA ………… 1 MQABBA ………………… 1

Pembroke: P. Schranz, K. Sciberras Balbi, K. Borg, J.P. Mifsud Triganza (Y. Tonna 84’), D. Camilleri, Z. Grech, T. Fenech (A. Hili 88’), M.A. Borg, I. Misan, J. Pedro Oliveira Santos, E. Vallecillo (W. da Rosa 62’)

Mqabba: F. Tabone, R. da Silva Gomes, D. Micallef, J.C. Martins, G. Micallef, A. Ferreira, B. Grech, W. Borg, D. Azzopardi, F. Gusman, N. Micallef

Referee: Daniel Portelli

Mqabba fetħu l-iskor wara 11-il minuta f’dik li kienet l-ewwel azzjoni tal-logħba. Minn korner ta’ Gianfranco Micallef, JULIO CESAR MARTINS skorja mill-viċin wara li l-ewwel xutt kien salvat parzjalment minn Philip Schranz.

Risposta minn Pembroke fit-18-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Kurt Borg tgħaddi barra wara kross ta’ Joao Pedro Oliveira Santos. Mqabba viċin it-tieni gowl erba’ minuti wara u din id-darba kienet daqqa ta’ ras ta’ Rafael da Silva Gomes li għaddiet ftit barra wara free-kick ta’ David Azzopardi.

Minuta wara free-kick ta’ Oliveira Santos ġie mdawwar f’korner minn Frederick Tabone. Schranz salva tajjeb xutt ta’ Wayne Borg fis-37 minuta u fuq in-naħa l-oħra free-kick ta’ Jean Pierre Mifsud Triganza għadda ftit barra.

Pembroke kellhom żewġ okkażjonijiet fil-bidu tat-tieni taqsima iżda fiż-żewġ xuttijiet, Kurt Borg u Eduardo Vallecillo naqsu li jinkwadraw il-lasta. Iżda Pembroke ġabu d-draw fis-66 minuta b’JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA jiġi żmarkat minn Wilmsen Moacir da Rosa u skorja b’xutt fil-baxx.

Pembroke saħansitra bdew ifittxu l-gowl tar-rebħa u fit-73 minuta, Kurt Borg daħal fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu minn pożizzjoni pjuttost angolata ħabat mal-lasta u spiċċa barra.

Lija jsalvaw punt lejn it-tmiem

LIJA ATHLETIC ……………….. 2 ŻEJTUN CORINTHIANS …………. 2

Lija: L. Bonnici, C. Cassar, M. Clinch, O. Sidibe, D. Scerri, A. Borg, D. Mintoff, A. Galea, R. Sammut, E. Beu, K. Kuroki

Żejtun: D. Zarb, C. Giordimaina, D. Albanese, A. Farrugia, B. Farrugia, J. Mandjeck, G. Azzopardi, A. Smeir, R. Spiteri, J. Castano, A. Carabott

Referee: Shaun Calleja

Reazzjoni doppja minn Lija wasslet biex kisbu punt fi draw ta’ 2-2 kontra Żejtun Corinthians. Il-logħob kien bilanċjata fl-ewwel parti tal-logħba, b’Żejtun jiftħu l-iskor wara nofs siegħa meta ADRIAN CARABOTT skorja b’xutt minn pożizzjoni ideali. Żejtun daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ iżda Lija kienu aktar determinati fit-tieni taqsima u ġabu d-draw fit-63 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ ERJON BEU li għelbet lil Dunstan Zarb.

Iż-Żwieten ħasbu li skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-84 minuta b’xutt tas-sostitut Jose Antonio Meira minn tarf il-kaxxa li għeleb lil Luke Bonnici. Madankollu Lija wettqu reazzjoni immedjata u għamluhom 2-2 żewġ minuti mit-tmiem permezz ta’ Ryan Sammut.

It-tim relegat San Ġwann jegħleb lit-tim promoss Gudja United

GUDJA UNITED ………….. 1 SAN ĠWANN…………… 2

Gudja: M. Xerxen, J. Bondin, M. Bonnici (J. Farrugia 58’), A. Nagbe, L. Martinelli (A. Mizzi 73’), L. Cremona, J. Lima, F. Aboulezz (L.J. Schembri 73’), L. Micallef, D. Santos da Hora, S. Diacono

San Ġwann: C. Formosa, L. Musu (O. Spiteri 65’), A. Borg, J. Azzopardi, C. Gauci, J. Bowman (J. Tanti 65’), A. Cachia, C. Stewart, N. Melo Ferreira, S. Hili (A. Galea 82’), R. de Oliveira

Referee: Andrea Sciriha

San Ġwann li diġà huma relegati għat-Tieni Diviżjoni, għelbu lit-tim promoss għall-Kampjonat Premier Gudja United 2-1. It-tim ta’ San Ġwann ħoloq l-ewwel azzjoni wara 12-il minuta bi free-kick ta’ Nestor Melo Ferreira stampa mal-mimduda. Gudja fetħu l-iskor fl-34 minuta b’gowl ta’ SHALON DIACONO b’xutt mill-viċin.

Reazzjoni mill-ewwel ta’ San Ġwann li ġabu d-draw minuta biss wara b’RENAN DE OLIVEIRA jdur tajjeb ma’ Matthew Xerxen biex skorja mingħajr diffikultà. Nestor Melo Ferreira reġa’ mar viċin li jpoġġi lil San Ġwann minn fuq fit-48 minuta iżda ra t-tentattiv tiegħu jgħaddi ftit barra. Huma skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-64 minuta b’konklużjoni mill-qrib ta’ SERGIO HILI li għelbet lil Xerxen. Il-kowċ ta’ Gudja Josef Mansueto għamel it-tliet sostituzzjonjiet biex jipprova jsalva l-logħba iżda l-isforzi kienu inutli.

Qrendi jaqbżu lil Vittoriosa qabel l-aħħar logħba

ŻEBBUĠ RANGERS …………. 0 QRENDI……………… 2

Żebbuġ: D. Galea, D. Fava, R. Vella, H. Vella, S. Buhagiar, S. Darmanin (C. Tabone 86’), M. Camilleri (K. Tanti 58’), B. Muscat, C. Brincat, J. Caetano da Silva, J. Farrugia

Qrendi: J. Farrugia, D. Micallef, M. Farrugia, B. Bondin, M. Busuttil, L. Brincat (K. Abela 46’), D. Sammut, D. Martini, J. Spiteri, C. Quaranta, J. Silveira da Silva (J. Pedro da Silva Vargas 46’)

Referee: Ezekiel Barbara

Qrendi kisbu rebħa importantissima fuq Żebbuġ Rangers  2-0. B’din ir-rebħa huma qabżu lil Vittoriosa Stars u jekk jibqgħu qabilhom fl-aħħar logħba tal-istaġun, ikunu Vittoriosa li jilagħbu l-play-off kontra Mġarr United għal min se jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni staġun ieħor.

Iż-żewġ timijiet ma ħolqu l-ebda periklu fl-ewwel nofs tal-ewwel 45 minuta, b’Qrendi joħolqu l-ewwel azzjoni fil-21 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ciro Quaranta li għadda għoli. Quaranta reġa’ kien fl-azzjoni man-nofs siegħa logħob b’xutt fil-baxx ukoll minn barra l-kaxxa li din id-darba kien indirizzat fil-kaxxa, iżda Dylan Galea dawwar f’korner.

Il-logħba baqgħet xotta mill-azzjonijiet iżda l-iskor infetaħ fit-72 minuta meta xutt ta’ Dasser Sammut ġie salvat parzjalment minn Galea, bil-ballun jispiċċa għand JOAO PEDRO DA SILVA VARGAS, bis-sostitut jiskorja minn qagħda tajba. It-tim ta’ Renzo Kerr Cumbo għalaq il-logħba erba’ minuti wara, bil-veteran u sostitut Kenneth Abela jitwaqqa’ fil-kaxxa mill-gowlkiper ta’ Żebbuġ Dylan Galea. Mill-11-il metru CIRO QUARANTA skorja l-penalty u assigura rebħa importanti.