Futbol Sport

Minkejja r-rebħa, St. Andrews jibqgħu f’riskju ta’ relegazzjoni

(Ritratt: Domenic Aquilina)

FLORIANA……………. 0 ST. ANDREWS…………. 1

Floriana: I. Akpan, C. Borg (D. Grima 76′), K. Keqi, B. Paiber (D. Agius 69′), J. Pisani, T. Galvao da Silva, A. Cini, J. Arias Ulises (T. Vella 54′), A. Oyama, E. Cesani, E. Marcelina

St. Andrews: M. Calleja Cremona, A. Satariano, K. Mcfarlane, T. Blagrove, A. Friggieri (K. Reid 86′), J. Farrugia, K. Magro, J. Walker (D. Debono 56′), M. Davis (D. Jackson 90′), L. Sciberras, M. Woo Ling

Imwissija: K. Mcfarlane 71′ (S)

Skorjaw: M. Woo Ling 66′ (S)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Luke Portelli, Dusan Petrovic

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Matthew Calleja Cremona (St. Andrews)

Rapport: Keane Cutajar

Gowl uniku ta’ Matthew Woo Ling, minn żball rari ta’ Ini Akpan u prestazzjoni mill-aqwa tal-gowlkiper ta’ St. Andrews, Matthew Calleja Cremona, kienu biżżejjed biex il-Vjola ħadu tliet punti li jistgħu jiswew ħafna fl-aħħar tal-istaġun.

Dan għalkemm biex isalvaw posthom fil-Kampjonat Premier għal staġun ieħor jiddependu mhux biss mir-riżultat tagħhom iżda anke minn timijiet oħra għaliex bir-rebħa ta’ Qormi fuq Birkirkara, St. Andrews xorta  jinsabu f’riskju li jispiċċaw relegati b’mod dirett, jekk ifallu fl-aħħar konfront tagħhom fi tmiem il-ġimgħa. Din ir-rebħa kienet importanti għaliex kieku żgur li jinsabu f’aktar problemi u pressjoni qabel l-aħħar ġurnata wara r-rebħa ta’ Qormi.

Għal Floriana, li issa ilhom ma jirbħu sa minn meta għelbu lir-rivali Valletta fl-aħħar ġurnata ta’ Marzu, din it-telfa ftit li xejn għamlitilhom differenza għaliex biha baqgħu fit-tmien post, f’riskju biss li jintlaħqu fl-aħħar ġurnata minn Tarxien jew jinqabżu minn Mosta.

L-ewwel azzjoni tal-partita waslet wara 13-il minuta meta Martin Davis sab ruħu waħdu ma’ żewġ difensuri u b’azzjoni personali rnexxielu jagħmel spazju għax-xutt li iżda minn pożizzjoni angolata spiċċa ma ħoloq l-ebda problemi għal Ini Akpan li salva fil-baxx.

Ir-risposta ta’ Floriana waslet għaxar minuti wara meta l-captain Clyde Borg lemaħ opportunità għal xutt minn barra l-kaxxa li hu prova iżda ra l-ballun jinżel wara l-mimduda.

Fl-34 minuta Arthur Oyama tefa’ xutt kross mix-xellug li għalih kien attent Matthew Calleja Cremona li mblokka tajjeb. Mir-rebound, il-Greens raw it-tentattiv tagħhom imblokkat u l-periklu tbiegħed minn St. Andrews. L-iskor għal ftit ma nfetaħx fid-39 minuta meta Kristian Keqi venven xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li stampa mal-mimduda u baqa’ sejjer barra.

Żewġ minuti minn tmiem it-taqsima, Floriana reġgħu pruvaw jidħlu jistrieħu minn fuq wara li Tiago Galvao da Silva għadda mil-lemin għan-nofs u prova fil-baxx iżda Calleja Cremona kien attent u niżel isalva. Matthew Woo Ling għal ftit ma fetaħx l-iskor fuq in-naħa l-oħra sekondi wara, iżda kien żvinturat ra l-ballun jaħbatlu mal-lasta, anke jekk Akpan deher għal kollox megħlub.

L-ewwel azzjoni denja tat-tieni taqsima waslet fil-51 minuta meta Brandon Paiber prova free-kick dirett iżda b’akrobazija, Calleja Cremona tar minn tulu u blokka ‘l barra. Tliet minuti wara, Keqi waħdu quddiem il-gowlkiper mill-kaxxa ż-żgħira, għamel l-impossibbli u laqat il-wieqfa, fost il-frustrazzjoni ta’ sħabu u l-istaff tekniku tal-Greens.

St. Andrews fetħu l-iskor fis-66 minuta grazzi għal żball ta’ Akpan. Free-kick minn pożizzjoni angolata minn tarf il-kaxxa ta’ MATTHEW WOO LING kien ċentrali u deher faċli għall-gowlkiper ta’ Floriana iżda hekk kif mar biex jaħtaf, il-ballun ħarablu minn idu u spiċċa warajh fix-xibka. Fil-85 minuta, Akpan patta għall-iżball tiegħu b’save stupend fuq id-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Kevyn McFarlane.