Sport Sport Ieħor

Sara Xuereb kompliet turi l-maturità tagħha – Paul Baldacchino, President Malta Ten Pin Bowling Association

Sara Xuereb kisbet riżultati sodisfaċenti wara li fi tmiem il-ġimgħa kisbet żewġ midalji fil-Kampjonat Ewropew taż-Żgħażagħ fi Vjenna. Xuereb rebħet il-midalja tal-fidda fis-Singles u l-bronż fil-Masters.

Fil-kompetizzjoni tas-Singles, Xuereb li għandha 18-il sena rebħet il-grupp tagħha b’medja brillanti ta’ 208 punti u spiċċat fit-tielet post minn 65 kompetitur. Fis-semifinali għelbet lill-Ġermaniża Niehusenand iżda tilfet il-finali missielta kontra r-Russa Victoria Kashirskaya. Fl-aħħar frame, Xuereb kienet sfortunata li għamlet split.

Il-Ħadd imbagħad, Xuereb rebħet il-midalja tal-bronż fil-Masters, bil-Maltija tikkwalifika wara li spiċċat fl-14-il post minn 65 plejer. Fil-kwarti tal-finali hi eliminat lill-Iżvediża Nora Johansson meta rebħet it-tieni u t-tielet frame.

Fis-semifinali Xuereb reġgħet tilfet l-ewwel logħba din id-darba kontra Hanna Engberg iżda sfurzat decider. It-tielet logħba kienet deċiża b’Engberg tirbaħ wara sensiela ta’ strikes b’riżultat finali ta’ 224-194.

F’kuntatt li dan is-sit għamel mal-President tal-Malta Ten Pin Bowling Association, Paul Baldacchino qal li wara s-suċċess fil-Kampjonat tal-Mediterran, Sara Xuereb kompliet turi l-maturità li laħqet b’żewġ midalji fil-livell Ewropew taż-żgħażagħ.

“Sara sservi ta’ role model għal bowlers u atleti Maltin. Is-suċċess jista’ jintlaħaq basta jkun hemm impenn u sagrifiċċju fil-preparazzjoni. Issa l-mira ta’ Sara għandha ddur fuq il-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-aħħar ta’ Novembru f’Ċipru.”