Lokali Qorti

Kumpens ta’ kważi €100,000 wara inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat li mara li kienet qed issuq karozza tat-tip BMW tagħti kumpens ta’ €98,314 lil sewwieq ta’ mutur wara li din kellha inċident tat-traffiku miegħu u kienet mogħtija kważi t-tort kollu tal-każ.

Il-vittma kien Arthur Micallef li bid-daqqa huwa spiċċa fuq is-saqaf tal-BMW u kellu jqatta’ 12-il ġimgħa li sptar u disa’ xhur mingħajr ma jkun tajjeb għax-xogħol.

L-inċident seħħ meta Moira German daħlet fil-karreġġjata li minnha kien ġej il-mutur bil-każ imur lura għat-8 ta’ Settembru 2007, f’Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar.

Fil-Qorti Micallef qal li huwa kien qed isuq bil-mod wara karozza tal-linja u wara li din waqqfet fuq ‘bus stop’ qabiżha imma baqa’ fuq l-istess karreġġjata.

Kien sostna li l-mara kienet tiela t-telgħa tax-Xemxija, kisret fuq il-lemin tiegħu biex tidħol fi Triq il-Fekruna u daħlet għal fuq il-karreġġjata u mbagħad għal ġo fih.

Micallef żied li mad-daqqa spiċċa fuq is-saqaf tal-karozza u kieku ma żammx mal-pilastru tal-vettura kien jaqa’. German qalet li kif waslet qrib Triq il-Fekruna xegħlet l-‘indicator’ sabiex iddur fuq il-lemin, kisret l-‘steering’, daret ftit u kellha tieqaf peress li kien hemm vetturi oħra neżlin.

Qalet li baqgħet wieqfa peress li karozza tal-linja kienet nieżla u riedet tħalliha tgħaddi meta seħħet il-ħabta . Ommha Helen German qalet li lil Micallef ratu ġej minn wara x-xarabank meta seħħet il-ħabta.

Xhud li nzerta fil-parapett ta-dar meta seħħ l-inċident qal li l-karozza BMW kienet wieqfa tistenna l-karozzi neżlin u qassmet fil-ħin li kien nieżel il-mutur.

Wara li sema x-xhieda u ra r-rapporti dwar l-inċident, l-Imħallef Gratio Mercieca sostna kif fuq il-post ma kien hemm ebda marki tal-brejkijiet u sostna li t-tifrik li kien hemm fuq il-post jindika li l-impatt sar fejn kienet wieqfa l-karozza wara li seħħ l-inċident.

Mill-pjanti jirriżulta li l-karozza kienet f’nofs il-karreġġjata tan-naħa opposta u kompla li jekk it-tifrik jindika li l-ħabta saret fejn kienet wieqfa m’għandu ebda dubju li fil-ħin tal-inċident il-karozza ma kinietx wieqfa imma angolata fil-karreġġjata tas-sewwieq.

“Kieku l-verżjoni tal-mara għandha mis-sewwa, huwa ovvju li l-karozza tal-linja li irreferiet għaliha fix-xiehda tagħha ma setgħetx tgħaddi biha. M’hemmx dubju li l-inċident seħħ meta l-karozza BMW kienet diġa fil-karreġġjata tas-sewwieq tal-mutur. Kienet għalhekk ta’ ostaklu għall-karozzi għaddejjin minn dik it-triq prinċipali”.

L-Imħallef Mercieca pero iddikjara wkoll li kieku Micallef kien għaddej bil-mod l-impatt ma kienx ikun daqshekk kbir.  Huwa sostna li jidher li huwa lanqas induna bil-karozza li kienet se tikser, naqas milli jinnota li t-traffiku ‘l fuq kien wieqaf wara l-karozza u ma żammx brejk. 

Il-Qorti qalet li ma tistax temmen lil Micallef meta qal li kien qed isuq b’veloċita baxxa u ikkonkluda li huwa wkoll kien responsabbli għal parti mill-inċident.

Meta għarbel kollox l-Imħallef Mercieca ta 80 fil-mija tat-tort lil German u 20 fil-mija lil Micallef u meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens qies, fost oħrajn, li huwa kellu 27 sena meta seħħ l-inċident u li sofra diżabilita ta’ 10 fil-mija. Kien fuq dan il-kuntest li wasal għas-somma ta’ €98,314 u ordna lil German tħallas dan l-ammont lil Micallef bħala kumpens.