Lokali

Fearne jieħu żbalji fiċ-cifri dwar l-għoli tal-ħajja

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħa żball fiċ-ċifri dwar l-għoli tal-ħajja, li fi kliemu stess hi l-akbar problema għall-anzjani u l-pensjonanti.

Dan hekk kif, meta mistoqsi minn NET News, hu qal li wara sentejn mill-aħħar elezzjoni mirbuħa mill-Partit suppost Soċjalista, l-għoli tal-ħajja fuq l-ikel kienet ta’ 3.5%.

Iżda hawn, id-Deputat Prim Ministru kien żbaljat ferm. Għax l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-għoli tal-ħajja fuq l-ikel kien ta’ 4.8% għax-xahar ta’ Marzu li għadda.

Anke jekk wieħed iħares lejn l-istatistika ta’ Frar li għadda, Fearne kien żbaljat ukoll għax ghal dak ix-xahar l-għoli tal-ħajja fuq l-ikel kien ta’ 5.1 fil-mija.

Id-Deputat Prim Ministru ħa żball ukoll meta kkwota l-istess ċifri fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti. Dan hekk kif hu allega li wara sentejn mill-aħħar leġislatura ta’ Gvern Nazzjonalista, l-għoli tal-ħajja fuq l-ikel kien ta’ 8.9%.

Imma lanqas dan ma kien il-każ għax ċifri tal-NSO għal Ġunju u Lulju 2010 juru li dan mhux minnu.

Min-naħa l-oħra, u minkejja li għaddew sitt snin minn meta l-Partit Laburista wiegħed li se jibgħat il-mediċini fid-djar tal-anzjani tagħna, id-Deputat Prim Ministru, li hu wkoll il-Ministru tas-Saħħa, ħassu sodisfatt li hemm biss 1,000 anzjan li qed igawdu minn dan is-servizz.

Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-wegħda numru 30 tal-Programm Elettorali tal-Partit Laburista kienet tgħid hekk: “…nibdew inwasslu l-mediċini li jingħataw b’xejn fid-djar tal-pazjenti stess”.

Iżda llum, sitt snin wara dik il-wegħda ewlenija, il-Ministru tas-Saħħa iħossu sodisfatt li s’issa baqghu biss 1,000 l-anzjani li jingħataw dan is-servizz.