Il-Ħamis fil-Padiljun ta’ Ta’ Qali jingħata bidu għall-finali tal-play-off l-aqwa fuq ħames logħbiet. Hibernians se jkunu qed jittamaw li jirbħu l-kampjonat għat-tieni staġun konsekuttiv, iżda quddiemhom għandhom lil Gżira Athleta li għamlu titjib f’din is-sena.
F’konferenza stampa qabel din is-serje ta’ logħob, il-kowċ ta’ Hibernians Mario Tabone qal li “hu diffiċli li tirbaħ il-kampjonat imma hu aktar diffiċli li tiddefendi t-titlu tiegħek.” Tabone kompla li biż-żieda fil-barranin, jemmen li din is-sena l-finalisti huma aktar bilanċjati. Hu semma l-fatt kif minn meta bidlu l-barranin f’Jannar li għadda, Hibernians lagħbu darba kontra Gżira Athleta u tilfu. Madankollu Tabone jemmen li d-determinazzjoni u l-fatt li baqgħu bl-istess tim se jgħinhom jirrepetu s-suċċess tal-istaġun li għadda.
Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ ta’ Gżira Athleta Sasha Dimitrijevic tenna r-rispett tiegħu lejn l-avversarji. Dimitrijevic li jinsab fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna, jemmen li t-timijiet huma bbilanċjati u se jkun l-aqwa pjan fil-ġurnata li tiddetermina r-rebħa.
Il-plejer ta’ Hibernians Chad Patus qal li se jimxu mal-pjan tal-logħob tagħhom u jinsab konvint li se jkun fattur determinanti. Hu żied li l-fatt li baqgħu bl-istess skwadra ta’ staġun ieħor tgħin fl-għaqda tat-tim, iżda wissa li se jkollhom jinżlu bl-aqwa logħob tagħhom għaliex Athleta dejjem iqumu għall-okkażjoni.
Il-plejer ta’ Athleta Peter Shoults qal li bl-akkwisti ta’ plejers barranin f’Jannar inbidlu bħala tim. “Għandna aktar plejers fuq il-bank u r-rotazzjoni ta’ plejers Maltin iżżid l-għażliet tal-logħob tagħna li jagħmluna aktar perikolużi.”
Tkellmu wkoll il-President tal-MBA Paul Sultana u l-Uffiċjal Kap tal-BOV Peter Perotti. Sultana qal li dan hu l-aktar perjodu interessanti fl-istaġun tal-Basketball u semma l-fatt li l-play-offs se tkun l-aħħar waħda bi tliet plejers barranin u f’dawn il-logħbiet id-dilettanti se jaraw plejers lokali li għamlu titjib konsiderevoli mill-bidu tal-istaġun. Peter Perotti awgura liż-żewġ timijiet l-isbaħ xewqat fil-finali.
Il-programm ta’ logħob
1 Logħba Il-Ħamis 25 ta’ April 7.30pm
2 Logħba Il-Ħadd 28 ta’ April 4.15pm
3 Logħba L-Erbgħa 1 ta’ Mejju 4.15pm
4 Logħba Il-Ħadd 5 ta’ Mejju 4.15pm
5 Logħba Il-Ħadd 8 ta’ Mejju 7.30pm
//= $special ?>