Kunsilli Lokali Lokali

Il-Partit Soċjalista jigdeb biex jgħatti xturu wara li ħassar 16-il elezzjoni tal- Kumitati Amministrattivi

Il-PN qed jippreżenta 100 kandidat aktar milli għandu kunsillieri jirrapreżentawh llum

Il-Partit Soċjalista, li l-anqas jaf fejn toqgħod id-demokrazija kif qed jixhed rapport internazzjonali wara l-ieħor, qed jigdeb u jispinnja biex jgħatti xturu li kien hu u hu biss li ħassar l-elezzjonijiet lokali ta’ 16-il Kumitat Amministrattiv kif ukoll ħassar l-elezzjonijiet lokali tal-Kunsilli Lokali sentejn ilu.

Dan intqal mill-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, u l-Ko-ordinatur tal-Partit tal-Kunsilli Lokali Charles Bonello.

Il-lokalitajiet huma Fleur-de-Lys f’Birkirkara, Santa Luċija f’Ta’ Kerċem, Gwardamanġa f’Tal-Pietà, Paceville f’San Ġiljan, il-Kappara f’San Ġwann, il-Madliena fis-Swieqi, Marsalforn fiż-Żebbuġ, Bubaqra fiż-Żurrieq, ix-Xlendi fil-Munxar, Tal-Virtù fir-Rabat, Ħal Farruġ f’Ħal Luqa, St Peter’s f’Ħaż-Żabbar, is-Swatar f’Birkirkara u l-Imsida, Burmarrad f’San Pawl il-Baħar, il-Baħrija fir-Rabat u Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar. Lil dawn l-eluf ta’ nies il-Partit Soċjalista mhux biss seta ċaħdilhom il-vot iżda fil-fatt ċaħdilhom il-vot b’liġijiet li għadda hu stess.

Dan kontra l-Partit Nazzjonalista li ħolom, ħoloq u saħħaħ il-Kunsilli Lokali. Il-Partit Nazzjonalista llum ghandu 197 kunsillier jirrapreżentawh fil-kunsilli ta’ Malta u Għawdex u se jkun qed joħroġ kważi mitt kandidat aktar f’ismu għal din l-elezzjoni. Bl-istess spin qarrieq tiegħu l-Partit Soċjalista ma’ ħariġx biżżejjed kandidati biex f’numru ta’ lokalitajiet bħal Ħ’Attard, San Lawrenz, Swieqi, Balzan u numru ta’ lokalitajiet oħra  ma’ ssirx elezzjoni kieku ma’ kienx għal ammont ta’ kandidati li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Soċjalista qed juri li 25 sena wara għadu m’aċċettax il-proċess demokratiku tal-Kunsilli Lokali meta qed jibqa’ jnaqqas b’mod sistematiku u bla konsultazzjoni r-responsabilitajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali biex jeħodhom f’idejn il-Gvern Ċentrali.