Futbol Sport

Imut il-leġġenda ta’ Celtic Billy McNeill

(Ritratt: FIFA)
Jibqa' mfakkar bħala l-ewwel Britanniku li rebaħ it-Tazza taċ-Champions fl-1967

Il-leġġenda ta’ Celtic Billy McNeill miet fl-età ta’ 79 sena. Għal diversi snin, hu kien qed isofri minn dementia. McNeill sar ikona fil-futbol Skoċċiż wara li kien il-captain meta Celtic rebħu t-Tazza taċ-Champions fl-1967 fil-finali kontra Inter u saru l-ewwel tim Britanniku li kiseb dan l-unur.

McNeill kien parti kbira mit-tim ta’ Celtic li rebaħ disa’ kampjonati konsekuttivi u wassalhom ukoll għar-rebħ ta’ erba’ suċċessi oħra wara li sar il-kowċ tat-tim. McNeill serva ma’ Celtic għal aktar minn 60 sena bħala partitarju, plejer, kowċ u ambaxxatur tal-klabb.

Fit-18-il staġun li lagħab, McNeill irtira fl-1975 u rebaħ ukoll seba’ darbiet it-Tazza Skoċċiża u sitt darbiet il-League Cup f’wieħed mill-aktar żminijiet ta’ suċċess għal Celtic. Tliet snin wara hu rritorna bħala kowċ u rebaħ mill-ewwel il-kampjonat fl-aħħar ġurnata.

Hu rebaħ żewġ kampjonati oħra qabel intemmet l-ewwel esperjenza tiegħu fl-1983. Hu kompla l-karriera ma’ Manchester City u wassalhom għall-promozzjoni. Fl-istaġun 1986/87 ngħaqad ma’ Aston Villa qabel irritorna ma’ Celtic fis-sajf ta’ wara.

Wara li fl-1991 tneħħa mill-kariga fl-aħħar irwol fi tmexxija teknika, McNeil irritorna mal-klabb fl-2009 bħala ambaxxatur. Fl-2015 ġiet żvelata statwa tal-bronż barra Celtic Park li tiċċelebra l-ġurnata importanti fl-istorja tal-klabb tal-1967 f’Lisbona.

Tags