Filwaqt li l-isfond tal-konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja kien jaqra “surplus għan-nies”, l-aħħar studji li saru dwar il-qasam tal-kostruzzjoni jindikaw li l-prezz ta’ appartament medju żdied b’24% f’temp ta’ sena.
Li jfisser li iktar Maltin fuq paga medja qed isibuha diffiċli biex jixtru l-propjeta’ u jispiċċaw fis-suq tal-kera b’kirjiet għoljin għall-aħħar. Mistoqsi minn Net News dwar kemm dak l-islogan jistona ma’ din ir-realta’ tan-nies, Joseph Muscat wieġeb li 80% huma sidien ta’ darhom u jissarrfu f’investiment għall-ulied meta dawn imutu – biex b’hekk injora kompletament ir-realtajiet ta’ diversi koppji zghazagh u individwi li jridu jixtru propjeta’.
Muscat qal ukoll li kulħadd jitkellem dwar prezzijiet orħos fil-propjeta’ sakemm jixtri. Imbagħad, jibda jitlob id-doppju.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru, flimkien mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ftahru hafna fuq is-surplus – izda injoraw diversi realtajiet tan-nies.
Jirrizulta illi minn surplus ta’ €250 miljun, €191 miljun kienu ġejjin mill-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. F’termini ta’ persentaġġ, l-IIP ammontat għal 76% tas-surplus dikjarat.
Huwa ċar li minkejja tkabbir ekonomiku sostnut, il-bilanċ fiskali għadu jistrieħ b’mod qawwi fuq il-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Dan ifisser li meta jitneħħa d-dħul ta’ darba mill-iskema, il-bilanċ hu ta’ 0.5% tal-Prodott Domestiku Gross.
Is-surplus registrat fl-2018 naqas b’€186 miljun minn dak li kien tħabbar sena ilu mill-Ministru Edward Scicluna għall-2017, liema ċifra ta’ surplus, tnaqqset b’€50 miljun iktar tard matul is-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri jqajjmu tħassib dwar is-sostenibbilta’ tal-finanzi u d-dipendenza tagħhom fuq dħul ta’ darba.
Is-surplus mhux qed ikun rifless fi kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-maġġoranza tal-Maltin, l-iktar dawk bi dħul baxx u medju u li qed ibatu biex ilaħħqu mal-ispejjeż.Jidher ċar li l-ekonomija qed tikber a spejjeż tal-ħaddiema u l-pensjonanti u mhux għall-benefiċċju tagħhom.
//= $special ?>
