Lokali Qorti

Konrad Mizzi ikompli jistinka biex inkjesta fuq il-Panama Papers ma ssirx

Il-Ministru Konrad Mizzi għadu għaddej u jistinka biex l-inkjesta li timplika lilu dwar il-Panama Papers ma ssirx. Fil-Qorti għat-tieni darba permezz tal-Avukat tiegħu huwa qed jikkontendi li jekk issir din l-inkjesta, din tkun qed tikser id-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq.

Bl-aġir tiegħu l-Ministru tat-Turżmu qed ikompli jikkonferma li jinsab imwerwer bl-inkjesta mitluba mill-Partit Nazzjonalista u permezz tal-passi legali li ħa d-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil, li ilu jimbotta biex toħroġ il-verita’. Anke l-Għaqda mhux Governattiva Repubblika, qed titlob li ssir inkjesta kontra Kontrad Mizzi fuq il-Panama Papers.

Permezz tal-Avukat John Bonello, li qed jidher għal Konrad Mizzi, dan qed jitlob li l-ebda deċiżjoni ma tittieħed fuq il-ħtieġa ta’ inkjesta, sakemm jinstema’ l-każ ta’ dak li l-Ministru Soċjalista qed jgħid ksur tad-drittijiet tiegħu.

L-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għal Dr. Simon Busuttil qal fil-Qorti li t-talba għal inkjesta mhux se timpinġi fuq id-drittijiet ta’ Konrad Mizzi u li hu (Konrad Mizzi) qed jagħmel minn kollox biex ma jiġix investigat fuq korruzzjoni minkejja li qed jisħaq li huwa innoċenti. Għal darba oħra Konrad Mizzi ma kienx preżenti waqt is-seduta fil-Qorti fuq il-każ tiegħu.

L-Avukat Jason Azzopardi qal ukoll li t-talba għal inkjesta qed issir minħabba li l-klijenti tiegħu, Simon Busuttil u Repubblika qed jargumentaw li Mizzi huwa korrott u li xxaħħam. L-Avukat Azzopardi qal li l-Organiżazzjoni Repubblika, għandha tingħata d-dritt li tintervjeni u tkun parti mill-kawża f’’dan il-każ. Il-Qorti laqgħet it-talba.