Futbol Lokali

Sospensjoni indefinita’ tinżel għal tliet snin fil-konfront tar-referee Utulu

Jude Amin Utulu

Id-deċiżjoni tas-sotto kumitat tad-dixxiplina tar-referees li kienet issospendiet lir-referee Jude Utulu  b’mod indefinit mill-attivitajiet kollha li għandhom x’jaqsamu mal-kontroll tal-partiti kienet mibdula. Il-Bord tal-Appell li nħatar skont l-istatut tal-MFA, issa niżżel is-sospensjoni minn għomor għal tliet snin.

Oriġinarjament Utulu kien akkużat li aġixxa ta’ aġent tal-plejers u kienu ttieħdu passi dixxiplinarji kontrih mill-Malta Football Association wara lment li sar mit-tim tal-Mosta F.C.  wara l-partita Mosta kontra Balzan, fejn Utulu kien ir-referee u l-Mosta kienu tilfu.

L-ilment kien ippreżentat minn ċertu Adrian Farrugia, li huwa indikat mal-MFA bħala wieħed mill-isponsors tat-tim tal-Mosta F.C. F’ilment tiegħu, Farrugia kien saħaq li Utulu ma jistax ikunu refree minħabba li huwa aġent tal-plejers, anke għall-istess tim tal-Mosta.

Il-Bord tal-Appell irrefera għar-rapport ta’ osservazzjoni li sar minn uffiċjal tal-MFA dwar il-partita Mosta kontra Balzan, li taw punteġġ lil Utulu għal dik il-partita ta’ 8.3 minn massimu ta’ 10, riżultat li jindika l-kontroll tiegħu tal-partita kien ta’ l-ogħla livell.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Bord tal-Appell spjega li mill-fatti rriżulta li wara li kien mar fuqu l-imsemmi Adrian Farrugia fl-2015, dwar jekk Utulu kienx lest li jgħinu isblu plejer Niġerjan li jista’ jkun interessat jilgħab Malta, Utulu kien laqqgħu mal-Maniġer ta’ ħuh. Fl-2017, Farrugia bagħat lil Utulu messaġġ ieħor simili, u għal darba oħra Utulu irrisponda billi reġa’ laqqgħu mal-istess Maniġer.    

Il-Bord ikkonkluda li dan l-irranġar u l-ftehimn ma’ persuna  assoċjata ma’ club minn naħa ta’ Utulu, messu kien mitkellem mal-uffiċjal inkarigat li jappunta r-referee’s u liċ-Chairman tal-Bord tar-referees u dan skond Sezzjoni17(e) tar-regolamenti tal-MFA.

Il-Bord spjega wkoll li Utulu kien mingħajr ma jaf imma xorta mhux skużat li kien qed jaġixxi b’mod skorrett. Madankollu ġie konkluż li fiċ-ċirkostanzi, sospensjoni għal għomru kienet waħda essaġerata u mhux xierqa u għalhekk issa huwa kien qed jiġi sospiż għal perjodu ta’ tliet snin. Għal Utulu deher l-Avukat Joseph Giglio.