Lokali

Dewmien fit-titjib tal-kura primarja minħabba taħwid mill-Gvern Soċjalista

Minħabba t-taħwid fil-proċess tat-tenders fil-kuntratt għall-bini ta’ hub tas-saħħa f’Raħal Ġdid, il-pazjenti u l-professjonisti qed jesperjenza dewmien ezagerat fit-titjib tal-kura primarja.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ favur kull pass li jista’ jsir sabiex jittejjeb il-qasam tas-saħħa, se tkompli tħares ukoll l-interessi tal-poplu Malti u li flus il-poplu fil-qasam tas-saħħa jintużaw b’mod tajjeb. Minħabba t-taħwid fil-proċess tat-tender il-Gvern Soċjalista kien se jonfoq €4 miljun żejda ta’ flus il-poplu Malti. Il-Qorti tal-appell kienet ikkonfermat dan it-taħwid meta qalet li kien hemm dubji serji fuq il-process tat-tender. L-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti li dak li ħaqqu l-poplu mit-taxxi li jħallas jieħdu bid-dritt kollu minflok jintilef fit-taħwid tal-Gvern.

Minflok jagħmel propaganda, d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne missu qal li flok hub mibni fi żmien xieraq, ha jkunu l-pazjenti li se jbatu wara dewmien fix-xogħol minħabba dan it-taħwid tal-Gvern. Il-Gvern Soċjalista għandu storja twila ta’ tbagħbis u taħwid fuq tenders u kuntratti fil-qasam tas-saħħa. Il-każ klassiku huwa l-bejgħ ta’ tliet sptarijiet lil Vitals, li ma kellhom l-ebda esperjenza fis-settur tas-saħħa. In-nies għadhom qed jistaqsu fejn marru l-€50 miljun li l-Gvern ta lil Vitals meta dawn ma għamlu xejn. Kien ghalhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mar il-Qorti sabiex il-poplu Maltin u Għawdxi jikseb lura l-isptarijiet tiegħu.

Dan kollu jkompli jżid man-nuqqasijiet fil-qasam tas-saħħa wara fl-aħħar jiem kien konfemat abbandun totali li l-Gvern qed iħalli fil-qasam tas-saħħa mentali. Hija tal-mistħija li l-Gvern Soċjalista għandu flus għall-koruzzjoni u għal tal-qalba imma m’għandux flus għall-pazjenti vulnerabbli li jbatu bil-problemi tas-saħħa mentali u għas-settur tas-saħħa. Il-Gvern għandu jieqaf jilgħab bis-saħħa tan-nies.