Lazio għaddew għall-finali tal-Coppa Italia wara li f’San Siro għelbu lil Milan 1-0 wara d-draw ta’ 0-0 fi Stadio Olimpico fi Frar li għadda. Huma jistennew l-avversarji tagħhom bejn Atalanta u Fiorentina għada fit-tieni leg tat-tieni semifinali.
Milan ħolqu azzjoni perikoluża fid-29 minuta b’xutt bix-xellug ta’ Davide Calabria li kien imdawwar f’korner minn Thomas Strakosha. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Lazio setgħu fetħu l-iskor f’żewġ okkażjonijiet. L-ewwel kien Bastos li ra x-xutt fil-baxx tiegħu mill-kaxxa jgħaddi ftit barra, biex ftit wara kien il-gowlkiper Pepe Reina li blokka fil-ħin fuq konklużjoni ta’ Joaquin Correa.
Lucas Leiva impenja lil Pepe Reina fit-52 minuta b’xutt imdawwar li ġiegħel lil Reina jitfa’ f’korner bi bravura, biex mill-korner sussegwenti d-daqqa ta’ ras ta’ Barros għaddiet ċentimetri barra. Tliet minuti wara, Reina reġa’ kien attent biex salva tajjeb xutt għar-rokna ta’ Correa.
Huma meritatament fetħu l-iskor fit-58 minuta f’kontrattakk veloċi li fih Ciro Immobile qassam fuq ix-xellug ta’ JOAQUIN CORREA li għadda l-ballun taħt saqajn Reina. Milan kienu għoddhom ġabu d-draw kwarta mit-tmiem b’daqqa ta’ ras tas-sostitut Patrick Cutrone iżda l-gowl kien imħassar għal offside.
//= $special ?>