Lewis Hamilton qed jimmira li jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu personali fi tmiem il-ġimgħa fl-Ażerbajġan, hekk kif qed ifittex li jkabbar il-vantaġġ fil-klassifika. Hamilton rebaħ sena ilu f’Baku b’mod fortunat wara li Valtteri Bottas sofra minn puncture żewġ dawriet mit-tmiem.
Fl-2017 u fl-2016, Hamilton spiċċa biss fil-ħames post wara li kellu bżonn waqfa oħra minħabba li kellu jsolvi l-headrest u ħabat mal-ħajt fil-provi uffiċjali rispettivament. Bħalissa fil-klassifika, Hamilton jinsab sitt punti fuq Bottas u qed iħares li jħalli warajh id-diżappunti li kellu f’Baku. “Hu ċirwit tajjeb u onestament batejt naqra fih, partikolarment is-sena l-oħra. Se tkun interessanti u se mmur hemm bil-ħsieb li rrid nipprova u ntejjeb fuq il-prestazzjoni tas-snin passati,” qal Hamilton.
Is-sena l-oħra, il-ħames darbiet champion tad-dinja kien fit-tielet post meta ħarġet is-Safety Car tard fit-tiġrija, iżda rebaħ l-ewwel post wara li Sebastian Vettel ingħata penalità minħabba li prova mossa fuq Bottas, bil-Finlandiż isofri puncture. “Kont fortunat li erbaħt is-sena l-oħra imma ma kontx veloċi biżżejjed matul il-ġimgħa kollha. Għalhekk dak hu post li qed nistenna li Valtteri jkun veloċi u nistenna li l-Ferrari jkunu partikolarment veloċi,” kompla Hamilton.
Il-Kap tal-Mercedes Toto Wolff qed jistenna li Bottas ipatti għall-isfortuna tas-sena l-oħra. “Valtteri saq tellieqa b’saħħitha s-sena l-oħra iżda puncture ċaħħdu minn rebħa meritata. Hu kellu bidu tajjeb dan l-istaġun u ninsab ċert li se jkun għatxan biex jikseb il-punti li ma rebaħx is-sena l-oħra,” qal Wolff.
//= $special ?>