Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jisplodu bomba tat-Tieni Gwerra wara evakwazzjoni minn Regensburg

Bomba tat-Tieni Gwerra Dinjija li kienet tiżen mal-250 kilogramma kkaġunat il-ħsarat fil-belt ta’ Regensburg waqt proċess ta’ splużjoni kkontrollata.

Qabel l-isplużjoni kienet seħħet l-evakwazzjoni ta’ xi 4,500 resident miz-zona minħabba li l-bomba – li nstabet waqt ħidma ta’ kostruzzjoni –ma setgħetx tkun trasportata lejn ‘inħawi anqas perkolużi’. Minkejja l-proċess ippjanat biex din il-bomba tkun innewtralizzata, l-isplużjoni kkaġunat xorta l-ħsarat għall-bini fil-viċinanzi, li spiċċaw bit-twieqi mfarrkin fost sinjali oħra ta’ sfreġju.

Is-sejbiet tal-bombi tat-Tieni Gwerra li ma splodewx mhumiex ħaġa rari fil-Ġermanja.

Intant, il-bomba f’Regensburg kienet mgħammra b’tip ta’ detonatur ‘partikularment ikkumplikat’ u fejn rappreżentat ‘theddida kbira u ġenwina għall-komunità’. Għaldaqstant, l-awtoritajiet iddeċidew li joħorġu lin-nies mill-inħawi u jisplodu l-bomba ‘mingħajr aktar telf taż-żmien’.