Manchester City għamlu pass importanti lejn ir-rebħ tat-tieni kampjonat konsekuttiv b’rebħa ta’ 2-0 f’Old Trafford fuq Manchester United. Din kienet il-11-il rebħa konsekuttiva għalihom fil-Premier League u telgħu punt fuq Liverpool b’logħbiet indaqs hekk kif fadal tliet logħbiet għat-tmiem.
Għal Manchester United din kienet is-seba’ telfa fl-aħħar disa’ logħbiet filwaqt li għat-tielet logħba konsekuttiva naqsu li jsibu x-xibka. Madankollu għalkemm qed jonqos, huma għadhom b’ċans li jtemmu mal-aħħar erbgħa minħabba l-punti li qed jitilfu t-timijiet ta’ madwarhom.
Fl-ewwel taqsima, Manchester City iddominaw il-pussess tal-logħba b’70% iżda ma għamlux assedju fuq il-lasta avversarja, b’De Gea jkun involut f’xi okkażjonijiet. Ir-Red Devils bdew joperaw bil-kontrattakk u pruvaw ikunu perikolużi b’logħob dirett.
Manchester United marru qrib li jiftħu l-iskor fis-16-il minuta b’passaġġ preċiż fit-tul ta’ Paul Pogba lejn Jesse Lingard li prova b’konklużjoni diffiċli mill-ewwel iżda t-tentattiv għadda ftit barra. Tliet minuti wara, David De Gea ċaħħad lil Bernardo Silva meta salva tajjeb ix-xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa tal-Portugiż. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Sterling seta’ skorja l-gowl tal-vantaġġ iżda dam jaħsibha fil-kaxxa u x-xutt finali kien salvat mingħajr wisq diffikultà minn De Gea.
Manchester City tilfu lil Fernandinho fil-50 minuta li sa dak il-ħin kien fost l-aħjar plejers. Iżda bid-dħul ta’ Leroy Sane huma marru fil-vantaġġ erba’ minuti wara b’azzjoni ta’ Bernardo Silva li ġibed għan-nofs u għadda l-ballun bejn De Gea u l-wieqfa. City marru qrib li jirduppjaw żewġ minuti wara f’azzjoni mill-aqwa li fiha x-xutt ta’ Sergio Aguero ħabat mal-wieqda. Manchester United għal ftit ma ġabux id-draw ftit sekondi wara bi kross ta’ Marcus Rashford lejn Lingard iżda tal-aħħar ma laqatx minn qagħda ideali.
Manchester City irduppjaw fis-66 minuta f’kontrattakk li fih Sterling qassam lejn Leroy Sane li b’xutt fuq l-ewwel lasta għeleb lil De Gea li kellu jagħmel aħjar fl-okkażjoni. Ir-reazzjoni ta’ Manchester United ftit kienet effettiva, b’Manchester City jikkontrollaw sat-tmiem.
Fil-logħba l-oħra, Wolves kisbu rebħa importanti fit-taqtigħa għas-seba’ post b’rebħa ta’ 3-1 f’Molineux Stadium fuq Arsenal. B’hekk il-Gunners sofrew it-tieni telfa konsekuttiva f’erbat ijiem u komplew jaraw it-tamiet li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa jkomplu jonqsu.
Ruben Neves poġġa lil Wolves fit-28 minuta bi free-kick preċiż fil-ġenb tax-xibka, Matt Doherty irdoppja fis-37 minuta wara li antiċipa l-ħarġa difettuża ta’ Bernd Leno u skorja b’daqqa ta’ ras. Diogo Jota għalaq il-logħba fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’xutt djagonali fil-baxx li għadda minn taħt idejn Leno. Sokratis Papastathopoulos naqqas id-distakk għaxar minuti mit-tmiem b’daqqa ta’ ras.
//= $special ?>